Futbol internazzjonali
Il-ġuri ta’ Karim Benzema ser jibda għada f’Qorti f’Versailles

L-attakkant Franċiż ta’ Real Madrid Karim Benzema mistenni jgħaddi ġuri minn għada l-Erbgħa, dwar każ li jmur lura ftit tas-snin ilu. Benzema jinsab akkużat li kien kompliċi f’komplott sabiex Matthieu Valbuena jkun rikattat f’każ t’attività sesswali rrekordjata.

Minħabba dan il-każ Benzema dam ħames snin ‘il bogħod mit-tim nazzjonali Franċiż, għaliex il-kowċ Didier Deschamps kien iddeċieda li ma jsejjaħlux aktar fl-iskwadra. Kien fl-edizzjoni tal-EURO 2020 li Benzema rritorna, meta kien diġà magħruf li ser jgħaddi ġuri f’Qorti f’Versailles matul dan ix-xahar.

L-investigaturi tal-każ qed jallegaw lil Benzema ħeġġeġ lil Valbuena sabiex iħallas lil persuni terzi sabiex attività sesswali rrekordjata ma tispiċċax imxandra fil-pubbliku. Benzema dejjem ċaħad li għamel xi ħaġa ħażina.

Il-ġuri ta’ Karim Benzema mhuwiex mistenni jdum, u saħansitra hemm min qed jgħid li jkun lest sa nhar il-Ġimgħa li ġej. Benzema, li għandu 33 sena, għadu parti mit-tim nazzjonali Franċiż. Din mhijiex l-ewwel darba li Benzema xellef difru mal-ġustizzja, meta fl-2014 kien akkużat li pprova jkun intimu ma’ prostituta taħt l-età, iżda ma nstabx ħati minħabba nuqqas ta’ provi.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA