Tazza tad-Dinja Qatar 2022
Il-Ġurnalisti Norveġiżi nħelsu mill-arrest iżda l-apparat kien ikkonfiskat

Żewġ ġurnalisti Norveġiżi spiċċaw arrestati fil-Qatar għal madwar 30 siegħa nhar il-Ħadd li għadda. Halvor Ekeland u Lokman Ghorbani kienu arrestati waqt li kienu xogħol minħabba ċ-ċerimonja li saret sena qabel tibda t-Tazza tad-Dinja. Ekeland u Ghorbani marru l-Qatar f’isem l-istazzjon nazzjonali Norveġiż NRK.

L-ex Prim Ministru Norveġiż Jonas Gahr Stoere kiteb fuq Twitter u qal li l-arrest tal-ġurnalisti huwa inaċċettabbli. Saħaq li l-libertà tal-istampa huwa kruċjali biex titħaddem id-demokrazija.

Il-ġurnalisti nħelsu mill-arrest it-Tlieta u ftit sigħat wara rritornaw pajjiżhom. Biss jidher li l-ġurnalisti marru lura mingħajr l-apparat li kellhom magħhom għax ġie kkonfiskat.

F’konferenza tal-aħbarijiet li nżammet ftit ħin wara l-wasla tagħhom fin-Norveġja, Ekeland u Ghorbani qalu li meta ġew arrestati, il-pulizija riedu jkunu jafu għaliex kienu fil-pajjiż, x’materjal kienu ser jużaw fir-rappurtaġġ tagħhom, kemm-il rapport kienu diġà kitbu, liema ritratti użaw u oħrajn li m’użawx.

Il-Qatar iddefenda l-arrest taż-żewġ ġurnalisti meta ntqal li dawn daħlu fi proprjetà privata u sar rapport dwarhom.

In-Norveġja ma kkwalifikatx għall-edizzjoni tat-Tazza tad-Dinja tas-sena d-dieħla, biss dan il-każ xegħel bozza ħamra għal mijiet ta’ ġurnalisti li s-sena d-dieħla beħsiebhom imorru l-Qatar isegwu l-logħob.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA