Ibburdjar MiddleSea
Il-jott Comanche jwaqqaf rekord ġdid tal-monohull fir-Rolex Middle Sea Race

Rekord ieħor ġdid fir-Rolex Middle Sea Race hekk kif il-monohull Comanche daħal fil-Port ta’ Marsamxett fl-4:27 tat-Tnejn filgħodu. Taħt it-tmexxija tal-iskipper Mitch Booth, il-jott Comanche lesta t-tellieqa tat-42 edizzjoni f’40 siegħa, 17-il minuta u 50 sekonda.

B’hekk, inkiser ukoll ir-rekord tal-monohull b’aktar minn seba’ sigħat li kien imwaqqaf mill-jott Rambler ta’ George David fl-2007. Il-jott Comanche kiser ir-rekord preċedenti b’7 sigħat, 37 minuta u 8 sekondi. Madwar siegħa u nofs wara li l-Comanche daħal fil-Port, kien imiss il-maxi monohull l-ieħor, l-iSkorpios li jasal f’pajjiżna f’ħin totali ta’ 41 siegħa, 44 minuta u 45 sekonda.

Żgur li din l-edizzjoni ser tibqa’ magħrufa għar-rekords miksuba, kemm fil-kategorija tal-multihull u tal-monohull.

Tard il-Ħadd filgħaxija wasal l-ewwel jott multihull, Argo ta’ Jason Carrol li kiser ir-rekord b’aktar minn 23 siegħa.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA