Futbol lokali
Il-Kampjonat BOV Premier se jibda fil-11 ta’ Settembru b’bibien magħluqa

Il-Kampjonat BOV Premier se jkun qed jibda kif skedat, fil-11 ta’ Settembru li ġej, iżda b’bibien magħluqa, ħlief għall-plejers u l-istaff tekniku, l-uffiċjali tal-klabbs u l-ġurnalisti.

Dan ħabbru dalgħodu Bjorn Vassallo, il-President tal-Malta Football Association, f’konferenza tal-aħbarijiet virtwali.

Vassallo ħabbar li l-Kunsill tal-MFA iddeċieda li fil-futur, jekk ikunu ntlagħbu 75% tal-partiti u l-kampjonati jkollhom jitwaqqfu, il-klassifika tibqa’ tgħodd u jkunu determinati l-eżiti sportivi, mentri jekk jintlagħbu anqas minn dan il-perċentwal u minħabba forza maġġuri l-kampjonati jkollhom jieqfu, dawn jiġu abbandunati. Madankollu, jekk ikun hemm il-matematika li tagħti xi verdett, din trid tiġi rrispettata.

Il-President Vassallo qal li l-MFA ħatret kummissjoni medika biex tanalizza s-sitwazzjoni tal-COVID-19 fil-futbol lokali li tinkludi wkoll rappreżentanti tas-saħħa pubblika. L-għan tal-kummissjoni huwa dak li jkun determinat protokoll mediku għall-kompetizzjonijiet lokali li jinkludi wkoll ir-regolatorju.

Bjorn Vassallo qal li l-partiti Ewropej tal-klabbs Maltin se jkunu qed isiru kollha abbażi tal-protokoll mediku tal-UEFA.

Vassallo qal li l-MFA se tibqa’ għaddejja bil-proġetti tagħha u tibqa’ tosserva dejjem il-‘Legal Notice’ tal-Gvern. Il-President tal-MFA qal li x-xogħol u kull attività oħra trid tibqa’ għaddeja ġaladarba m’hemmx impediment mill-Liġi u dejjem jekk ikunu osservati l-protokolli mediċi.

Il-President tal-MFA ħabbar li l-ex referee internazzjonali Alan Mario Sant, inħatar fil-kariga ta’ Chairman tal-Kumitat tar-referees tal-MFA. Huwa rringrazzja lill-Viċi President, Adrian Casha, tax-xogħol tiegħu matul l-aħħar sena għaliex irnexxilu jġib stabbilità fis-settur.

Mistoqsi minn TVMSport dwar il-futur tal-operat tal-MFA u l-impjegati tagħha f’din is-sitwazzjoni, Bjorn Vassallo qal li fil-pożizzjoni li qiegħed il-futbol bħalissa, bħal assoċjazzjonijiet oħra, l-MFA ma tistax tagħti garanziji li l-qafas ippjanat jinżamm għaliex dan jiddependi minn ħafna fatturi minħabba li s-sitwazzjoni hija fluwida ħafna .

Il-President tal-MFA qal li se jkun qed jiddependi ħafna mid-dħul finanzjarju internazzjonali jekk il-baġits finazjarji jiġux riveduti.

Tkellem ukoll is-Segretarju Ġenerali Angelo Chetcuti li qal li l-MFA bdiet taħdem biex tinstalla apparat ta’ cameras speċjali li permezz tagħhom turi l-partiti kollha jew fuq it-televiżjoni jew permezz ta’ live-streaming.

Miktub minn...
TVM Sport
Aħbarijiet Oħra

MALTA ………….0 DANIMARKA….8 EURO 2021 TAN-NISA Telfa kbira ta’ 8-0 għal Malta kontra d-Danimarka illejla fis-Centenary Stadium. It-telfa hija s-sitt waħda għat-tfajliet Maltin minn tmien logħbiet s’issa fi Grupp B:…

KAMPJONAT BOV PREMIER 2020/21 Valletta ………….4 Birkirkara……….2 Valletta fetħu l-impenji tagħhom staġjonali b’rebħa diffiċli ta’ 3-2 kontra Birkirkara. Kienet partita klassika bejn żewġ timijiet li mistennija jkunu fost il-protagonisti ewlenin…

KAMPJONAT BOV PREMIER 2020/21 Ħamrun Spartans….5 Sirens………………….1 It-Taljani jgħidu, ‘Buona La Prima’. Hu hekk kien għal Hamrun Spartans. Il-Ħamruniżi jistgħu jgħidu li kellhom bidu brillanti tal-Kampjonat BOV Premier 2020/21 meta…

Floriana FC…………2 Gżira United FC……1 Floriana kisbu l-ewwel punti tal-istaġun meta f’logħba sabiħa għelbu lil Gżira 2-1. Gzira ddominaw il-logħba fl-ewwel siegħa tagħha, iżda fl-aħħar nofs siegħa Floriana tjiebu ferm…

Aktar