Futbol lokali
Il-Kampjonat Premier jitkompla jew le? Jitlaqqa’ l-Premier League Standing Committee: mhux il-clubs kollha jaqblu
Żewġ clubs favur li jitkompla l-Premier, sitta kontra, sebgħa vagi

Wara li aktar kmieni dil-ġimgħa TVMSport irrapporta li teżisti qasma bejn il-clubs li jridu l-kampjonati tal-Premier u ċ-Challenge ikomplu, u l-oħrajn li ma jridux, TVMSport jista’ jikkonferma li din id-differenza ħarġet ċara anke f’laqgħa lbieraħ tal-Premier Division Standing Committee li għaliha kienu preżenti ħmistax mis-sittax-il club tal-Premier.

L-uniku club li ma kienx rappreżentat fil-laqgħa kien Valletta.

TVMSport hu nfurmat li mill-ħmistax li attendew, żewġ clubs biss esprimew opinjoni ċara li l-Kampjonat Premier 2020/21 għandu jitkompla.

Il-Kampjonat BOV Premier, l-istess bħall-kampjonati lokali l-oħra kollha tal-football, jinsab sospiż skont it-termini ta’ Avviż Legali li jipprojbixxi l-isport organizzat kollu f’Malta sal-11 t’April bħala miżura kontra l-firxa tal-pandemija tal-Covid-19.

Il-partita Malta – Russja ta’ nhar l-Erbgħa mill-Kwalifikazzjonijiet tat-Tazza tad-Dinja setgħet tintlagħab grazzi għal klawżola fl-Avviż Legali li tippermetti lill-Awtoritajiet tas-Saħħa jagħmlu eċċezzjoni f’każi ta’ impenji tat-timijiet nazzjonali.

Il-clubs li ħarġu favur it-tkomplija tal-Kampjonat Premier fil-laqgħa tal-PDSC ilbieraħ kienu Żejtun Corinthians u Lija Athletic, li bil-pożizzjoni attwali fil-klassfiika it-tnejn jiġu relegati għaċ-Challenge jekk il-Premier jieqaf fejn hu.

Dan għaliex minkejja li kull team lagħab biss 23 mit-30 partita skedata għal dan l-istaġun, skont l-istatut emendat tal-MFA, il-Kampjonat Premier jista’ jitqies validu kif inhu billi nqabeż it-threshold ta’ 75 fil-mija tal-logħob għal kull team.

Bil-kuntrarju, din il-kwota għadha ma ntlaħqitx fiċ-Challenge League: u allura bl-affarijiet kif inhuma la jistgħu jiġu promossi lanqas relegati timijiet minnu: għalkemm jistgħu jinżlu timijiet mill-Premier u jitilgħu timijiet miċ-Challenge League li huwa konkluż.

Fil-laqgħa tal-bieraħ, ir-rappreżentant ta’ Tarxien Rainbows, li bħal Żejtun u Lija jekk jitwaqqaf il-kampjonat kif inhu jiġu relegati imma jekk jitkompla jistgħu jsalvaw, wera l-fehma li l-Premier u ċ-Challenge għandhom jieqfu t-tnejn jew jitkomplew it-tnejn.

Il-minuti tal-laqgħa li ġew f’idejn TVMSport jindikaw li sitt clubs, għar-raġunijiet varji tagħhom, huma favur li l-Premier jitwaqqaf fejn hu. Is-sitt clubs l-oħra rappreżentati fil-laqgħa ma kinux ċari fil-pożizzjoni tagħhom, għalkemm ħafna minnhom semmew diffikultajiet jekk il-kampjonat jitkompla: fosthom finanzi, il-players barranin, konġestjoni ta’ fixtures, u l-parteċipazzjoni fil-kompetizzjonijiet tal-UEFA.

TVMSport hu nfurmat li għal-laqgħa kien preżenti wkoll Dr Chris Bonett bħala konsulent legali għall-PDSC.

Miktub minn...
Peter Cossai
Kap ta' TVM Sport. Isegwi l-Isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirraporta l-football lokali u internazzjonali. Jippreżenta l-programm 90 Minuta.