Futbol lokali
Il-Kampjonat Premier: kull xenarju possibbli fis-sitwazzjoni attwali
L-MFA bi pjan t'azzjoni għal meta jkunu jistgħu jitkomplew il-kompetizzjonijiet

Il-President tal-MFA Bjorn Vassallo qal li ma jiddependix mill-assoċjazzjoni x’jiġri jekk il-Kampjonat BOV Premier jitwaqqaf fejn hu u ma jitkomplix, iżda trid tkun il-UEFA li taghti d-direzzjoni.

Bjorn Vassallo llum ingħaqad f’telekonferenza mal-media sportiva lokali fejn matulha ta l-pożizzjoni tal-MFA dwar diversi materji marbuta mas-sitwazzjoni attwali tal-imxija tal-coronovirus f’Malta u madwar id-dinja. L-attivitajiet kollha tal-football f’Malta bħal prattikament kullimkien u bħal kull sport ieħor huma sospiżi b’mod indefinit.

Mistoqsi minn TVMSport jekk l-MFA hix tikkontempla xenarju fejn il-Kampjonat Premier ma jkunx jista’ jitkompla għal dan l-istaġun, Bjorn Vassallo fakkar li l-UEFA ħatret working group biex jaħdem fuq kalendarju alternattiv għall-kompetizzjonijiet Ewropej, bil-prijorità tingħata lill-kampjonati domestiċi biex possibilment jitwasslu sa tmiemhom anke jekk ikun hemm bżonn jibqgħu jintlagħbu fis-sajf.

F’każ li dan jkunx possibbli, il-President tal-MFA qal li trid tkun il-UEFA li toħroġ direttivi jew b’mod universali, jew tħalli lill-assoċjazzjonijiet membri jiddeċiedu għalihom.

Dan kollu jfisser li probabbli għad baqa’ diversi ġimgħat sakemm inkunu nafu jekk hux se jkollna champion tal-football Malti dan l-istaġun, u jekk hux se jkollna timijiet relegati u promossi.

Il-President tal-MFA m’eskluda xejn lanqas għall-istaġun li ġej, fejn teżisti l-possbibilta’ li jibda tard jew saħansitra jintlagħab f’format differenti biex jiqsar. Fi kwalunkwe każ qal, malli l-awtoriajiet tas-saħħa jistabixxu li l-logħob jista’ jitkompla, il-clubs se jingħataw avviż ta’ ġimagħtejn qabel jitħabbru l-fixtures biex jagħmlu l-arranġamenti meħtieġa.

Huwa għamilha cara wkoll li l-MFA se tonora l-impenji finanzjarji tagħha kollha mal-clubs u l-assoċjazzjonijiet membri: minkejja t-telf li qed tbati min-nuqqas t’attività fost l-oħrajn bit-telf ta’ dħul minn kampijiet ta’ taħriġ minn club barranin ippjanati għall-ġimgħat li ġejjin li issa kellhom jitħassru. Qal li qed jitħejja rapport tad-danni kollha sofferti minnha u l-assoċjazzjonijiet membri mill-kriżi tal-COVID-19.

Bjorn Vassallo fisser kif fil-pożizzjoni proattiva li adottat, l-MFA qed timplimenta numru ta’ miżuri mmedjati, fosthom is-sospensjoni tal-proċess domestiku għal-liċenzjar tal-clubs, tal-kriterja għal-liċenzjar tal-coaches, u tal-obbligi għal permessi ta’ residenza. Anke r-regolamenti tal-assoċjazzjoni dwar l-istatus u t-trasferiment tal-players ġew temporanjament emendati biex clubs u players ikunu jistgħu jaslu fi qbil bejniethom għat-terminazzjoni ta’ kuntratti.

Dwar it-tim nazzjonali, Bjorn Vassallo qal li l-MFA għandha mpenn mal-UEFA għall-partita ta’ ħbiberija away mal-Portugall f’Ġunju u anke hawn ma jiddependix minnha ssirx jew le għax jiddependi mis-sitwazzjoni kif tiżviluppa fl-Ewropa.

Kompla jgħid li l-coach tat-team nazzjonali Devis Mangia baqa’ Malta jkompli bil-ħidma tiegħu, imma l-bqija tal-istaff tekniku tiegħu jinsab l-Italja jaħdem minn hemm. Baqa’ Malta wkoll Alessandro Zinnari, il-kordinatur tat-timijiet nazzjonali kollha.

Dwar il-proġett ta’ team Malti fil-Lega Pro Taljana, Bjorn Vassallo qal li anke f’dan il-każ, it-timelines jiddependu minn kif tiżviluppa s-sitwazzjoni inċerta ta’ bħalissa.

Il-President tal-MFA qal li jixtieq iserraħ moħħ il-partijiet kollha nteressati li minkejja l-inċertezza kollha , l-assoċjazzjoni fasslet pjan t’azzjoni biex tkun ippreparata jekk u meta jkunu jistgħu jitkomplew il-kompetizzjonijiet.

Miktub minn...
Peter Cossai
Kap ta' TVM Sport. Isegwi l-Isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirraporta l-football lokali u internazzjonali. Jippreżenta l-programm 90 Minuta.
Aħbarijiet Oħra

Il-mira tal-imprenitur Joseph Portelli, f’isem Hamrun Spartans, hi dik li “jirbaħ il-kampjonat u jimla Strada Rjali bin-nies“. Dan qalu Portelli stess fuq il-mikrofonu ta’ TVMSport hekk kif intemmet il-konferenza tal-aħbarijiet,…

UEFA Europa League: Rd 2 ta’ Kwalifikazzjoni Hibernians…0 Fehérvár…….1 Goal waħdani mas-siegħa logħob ra lil Hibernians eliminati fit-2 Round ta’ Kwalifikazzjoni tal-UEFA Europa League minn Fehérvár tal-Ungerija. L-ewwel taqsima rat lill-Ungeriżi fil-parti…

L-MFA illum sejħet lill-media sabiex tagħti l-aħħar dettalji tal-preparazzjonijiet li qed issiru qabel il-bidu tal-kampjonat BOV Premier 2020/21 u r-regolamenti straordinarji li kellhom jidaħħlu f’din in-normalita’ ġdida. Is-Segretarju Ġenerali tal-MFA…

Fin-National Football Stadium ta’ Windsor Park f’Belfast, iċ-champions lokali Floriana llejla jeħduha kontra ċ-champions tal-Irlanda ta’ Fuq Linfield għal post fit-3 Round ta’ Kwalfikazzjoni tal-UEFA Europa League. Floriana sabu ruħhom…

Aktar