Basketball
Il-Kampjonat tal-Basketball se jiibda fl-24 ta’ Ottubru fit-Training Courts tal-MBA

F’Intervista li se tixxandar fil-programm Sport Panorama tal-lejla l-President ta’ Malta Basketball Association Paul Sultana qal li wara diversi laqgħat ta’ preparazzjoni l-MBA tinsab f’pożizzjoni li tikkonferma li l-kampjonati tagħha se jibdew fl-24 ta’ Ottubru.

Sultana qal li l-logħob kollu għalissa se jsir fil-Courts tat-training biswit il-Padiljun ta’ Ta’ Qali dan għaliex għadu għaddej ix-xogħol li kien skedat ta’ bdil fl-infrastruttura tal-istands u l-bini mill-ġdid ta’ dressing rooms, uffiċini tal-MBA u faċilitajiet tal-media.

Bir-restrizzjonijiet imposti mill-Awtoritajiet tas-Saħħa għalissa l-partitarji mhux se jitħallew jidħlu jaraw il-logħob  tal-inqas sa nofs Novembru meta hemm ħsieb li titlesta t-tieni fażi tal-proġett tal-Padiljun u allura n-nies ikunu jistgħu jidħlu u joqgħodu għad-direttivi li jinħarġu mill-MBA u mill-Awtorita’ tas-Saħħa f’dak iż-żmien.

Il-President tal-MBA qal li huma wkoll bħal diversi dixxiplini ta’ Sport ieħor għamlu protokol mediku li jispeċifika fost oħrajn li l-plejers u l-istaff tekniku se jkunu qed jagħmlu swab tests regolari. Bħala parti mill-protokol l-MBA għażlet li tiskeda l-logbiet tal-kampjonati għal weekend b’logħob tan-nisa u l-weekend ta’  wara bil-logħob tal-irġiel.

Dwar ir-regolament tal-użu tal-barranin Sultana qal li r-regolamenti mill-istaġun li għadda mhux se jinbidlu allura team jista’ jagħmel użu minn massimu ta’ żewġ barranin.

Miktub minn...
TVM Sport
.