Futbol lokali
Il-kampjonati tal-futbol Malti se jieqfu hawn: laqgħa urġenti tal-Eżekuttiv tal-MFA l-Ġimgħa
  • Hamrun Spartans mistennija jiġu ddikjarati Champions għat-tmien darba fl-Istorja

L-attivitajiet sportivi lokali mhux se jitħallew isiru għalissa. Dan tħabbar mill-Prim Ministru Robert Abela f’konferenza tal-aħbarijiet li matulha qal li l-miżuri se jibqgħu fis-seħħ u sostna li b’hekk id-dati ta’ meta se jitħabbru inqas miżuri jingħataw fi żmien li ġej skont kif jiżviluppaw iċ-ċirkostanzi.

TVMSport infurmat li l-MFA sejħet laqgħa tal-Kumitat Eżekuttiv b’urġenza għall-Ġimgħa waranofsinhar biex ikunu diskussi d-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet u dawk ir-regolamenti li l-MFA daħħlet qabel l-istaġun u b’hekk ikunu jistgħu jiġu kkonfermati l-verdetti li mbagħad ikun jonqoshom biss l-approvazzjoni tal-Kunsill.

Dan ifisser li skont ir-regolamenti li daħlet il-Malta Football Association fis-sajf li għadda, u li ġew approvati wkoll mill-Kunsill tal-Assoċjazzjoni, Hamrun Spartans mistennija jkunu ddikjarati Champions tal-futbol Malti fil-jiem li ġejjin, għat-tmien darba fl-Istorja tagħhom.

Dan ifisser ukoll li l-klassifika tal-kampjonat BOV Premier se tibqa’ valida kif inhi fil-preżent peress li kien għad jonqos jintlagħbu inqas minn 25% tal-partiti, bl-uniku kampjonat li possibbilment se jiġi null ikun dak taċ-Challenge League li ma ntlaħqitx din l-istess kriterja ta’ partiti milgħuba.

L-MFA kienet diġà ħabbret li jekk il-miżuri ma jkunux elevati mit-12 ta’ April biex tkun tista’ titkompla l-attività sportiva, allura kienet se tkun kostretta biex iddur fuq l-Istatut u r-regolamenti li daħlet hi stess fis-seħħ mis-sajf li għadda peress li l-UEFA tkun trid l-ismijiet tal-erba’ klabbs li se jipparteċipaw fil-kompetizzjonijiet Ewropej fid-data li tistipula hi.

Dan se jkun it-tieni staġun konsekuttiv fejn l-ogħla kampjonat tal-futbol f’Malta mhux se jkun qed jintemm mill-bidu sal-aħħar.

Malta hija l-uniku pajjiż fl-Ewropa fejn il-futbol fuq livell ‘elite’ ma tkomplix b’impatt negattiv kemm għall-plejers, il-klabbs u kif ukoll għax-xogħol tajjeb li qed isir fit-timijiet nazzjonali, speċjalment f’dak tal-kbar immexxi minn Devis Mangia.

Miktub minn...
TVM Sport