Basketball
Il-kampjonati u kompetizzjonijiet maġġuri tal-Basketball iddikjarati nulli għat-tieni sena konsekuttiva

F’laqgħa urġenti tal-Kunsill tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Basketball, ġie deċiż li għat-tieni sena konsekuttiva, il-kampjonati maġġuri u l-kompetizzjonijiet jiġu kkanċellati u ddikjarati nulli. Fil-laqgħa, jidher li kemm il-Kunsill kif ukoll il-klabbs kollha affiljati tal-Assoċjazzjoni qablu li l-kampjonati u l-kompetizzjonijiet ikunu ddikjarati nulli wara li nhar l-Erbgħa li għadda, waqt il-konferenza tal-aħbarijiet mill-Prim Ministru, baqgħet fis-seħħ il-projbizzjoni fuq l-isport.

Il-kampjonati affettwati huma: il-Kampjonat BOV tal-Ewwel Diviżjoni, il-Kampjonat MAPFRE MSV Life tan-Nisa, il-Kampjonat BOV Amateur tal-Irġiel, flimkien mal-finali tan-Knock-Out tal-Irġiel fiż-żewġ kategoriji maġġuri.

Fi stqarrija mill-Assoċjazzjoni Maltija tal-Basketball ingħad li matul il-laqgħa urġenti ħareġ biċ-ċar id-diżappunt tal-klabbs wara xhur ta’ ħidma sabiex iżommu mal-protokolli imposti, biex fl-aħħar mill-aħħar kollox reġa’ sarilhom suf. Il-klabbs ilmentaw li sabiex iżommu ambjent sigur u kulħadd ikun imħares mill-pandemija, huma nefqu flus addizzjonali, li issa jidher li ntefqu għalxejn.

Bid-deċiżjoni meħuda mill-Kunsill tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Basketball, il-kampjonati msemmija ġew iddikjarati nulli għat-tieni sena konsekuttiva.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA