International Sports
Il-karozza l-ġdida ta’ Cristiano Ronaldo: Ferrari Monza ta’ €1.6M

L-għada tat-telfa umiljanti fil-Juventus Stadium kontra AC Milan bi skor ta’ 3-0, Cristiano Ronaldo, biex forsi jikkonsla, xtara rigal ‘żgħir’ lilu nnifsu.

Xejn ħlief il-Ferrari Monza li għandha valur ta’ €1,600,000.

Il-media Taljana qed tirrapporta li kienu s-sidien ta’ Juventus u tal-istess Ferrari, il-kuġini Andrea Agnelli u John Elkann li ħadu lill-Portugiż f’Maranello biex ikun jista’ jara l-aħħar mudell ‘spettaklu’ tad-ditta tagħhom tal-karozzi Ferrari.

Jidher li l-karozza għoġbot mill-ewwel lil CR7 li b’daqqa ta’ firma rnexxielu jħallasha ‘cash’ u wara siegħa tfaċċa biha fil-Continassa għas-sessjoni ta’ taħriġ ta’ Juventus.

Din hi karozza oħra mal-kollezzjoni li għandu Ronaldo.

Ronaldu hu l-ewwel plejer tal-futbol uffiċjalment biljunarju. Ma’ Juventus’ għandu salarju ta’ €31M netti fis-sena.

Uħud mill-karozzi l-oħra li għandu fil-garaxxijiet ta’ djaru fl-Italja, fl-Ingilterra u fil-Portugall huma Rolls Royce, Lamborghini, Porche, Mercedes, BMW u Bugatti, fost l-oħrajn.

Tant, biex jekk ikollu xi ħsara f’waħda minnhom, ma jinqabadx fuq sieq waħda u jkollu jivjaġġa bir-rota jew jiġi sfurzat iċempel servizz ta’ taxi!

Miktub minn...
TVM Sport