Futbol lokali
Il-karozza ta’ Dione Borg fi fjamma nar

Ftit sigħat qabel mhu ser jittieħed il-vot fil-Kunsill tal-MFA, il-karozza tas-Segretarju Ġenerali ta’ Floriana FC Dione Borg spiċċat fi fjamma nar. Il-pulizija ndunaw bil-karozza taqbad waqt ronda li kienu qed jagħmlu għall-ħabta tal-23:20 tal-Ħadd fi Triq Dun Mikiel Xerri, Ħ’Attard.

Mal-ewwel issejħet l-għajnuna tal-Protezzjoni Ċivili sabiex jikkontrollaw in-nirien, filwaqt li kien hemm karozza oħra viċin li ġarrbet xi ħsarat.

Il-pulizija kkonfermat li ħadd ma weġġa’ f’dan l-inċident, u filwaqt li għaddejja inkjesta, għadhom qed jinġabru d-dettalji dwar dan il-ħruq.

F’kumment li Dione Borg għadda fuq il-paġna tiegħu ta’ Facebook qiegħed jallega li kien hemm persuna li qabbditlu l-karozza u wara ħarbet minn fuq il-post bi scooter tal-elettriku, kif jidher fuq kameras tas-sigurtà. Apparti li huwa s-Segretarju Ġenerali ta’ Floriana FC, Dione Borg huwa ġurnalist u attiv fil-Partit Nazzjonalista.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA