Futbol internazzjonali
Il-Każ ta’ Maradona – Avukat Difensur jgħid li l-ġuri qed tagħmlu l-midja u mhux il-Qorti

Avukat difensur involut fil-każ tal-mewt ta’ Diego Armando Maradona qal li mhux sew li rapport mediku li kellu jiġi ppreżentat fil-Qorti matul il-ġurnata tat-Tnejn, spiċċa għand l-Aġenzija Reuters il-ġimgħa li għaddiet. L-avukat difensur qal li l-Qorti qatt ma tista’ tagħti ġudizzju ġust meta l-ġuri qed tagħmlu l-midja.

Skont bord mediku li daħal fil-każ tal-mewt ta’ Maradona kkonkluda li t-tim mediku li kien jassisti lill-Arġentin aġixxa b’negliġenza u defiċenza fil-jiem qabel Diego Armando Maradona miet fil-25 ta’ Novembru tas-sena li għaddiet. F’Qorti fi Buenos Aires, ilbieraħ kien ippreżentat dan ir-rapport mediku, f’każ fejn seba’ persuni jinsabu akkużati li setgħu għamlu aktar biex jevitaw il-mewt tal-ex stilla Arġentin.

Min-naħa l-oħra, l-avukat li qed jirrappreżenta lil wieħed mit-tfal ta’ Maradona, Dieguito, qal li r-rapport mediku juri li kien hemm min aġixxa b’mod kriminali u kien minħabba f’hekk li Maradona tilef ħajtu.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA