Sport Lokali
Il-klabb tar-Regatta tal-Marsa jirbaħ l-unur tal-Fair Play bejn Lulju u Settembru 2021

Il-klabb tar-Regatta tal-Marsa ġie mogħti l-unur tal-Malta Fair Play Movement għall-perjodu bejn Lulju u Settembru 2021. It-TGS Malta Fair Play Award jingħata b’mod konġunt mal-Għaqda Ġurnalisti Sports u sponsorjat minn Together Gaming Solutions (Bethard Group Ltd).

Il-Marsin għenu lill-klabb tar-Regatta tas-Siġġiewi (Siġġiewi Rowing Club) sabiex dawn ħdu sehem għall-ewwel darba b’mod uffiċjali fir-Regatta li ġiet organizzata fil-25 ta’ Settembru, bħala parti mill-Ġimgħa Ewropea ddedikata għall-isport. Il-klabb tar-Regatta tal-Marsa ma ħax sehem u sellef id-dgħajjes tiegħu lill-klabb tas-Siġġiewi.

Il-preżentazzjoni tat-TGS Malta Fair Play Award saret illum (it-Tlieta 19 t’Ottubru) fil-preżenza t’Andrea Critien mid-Dipariment tal-Finanzi u r-Riżorsi Umani, Benjamin Delsinger, Direttur Maniġerjali, u Edward Licari, Direttur ta’ Together Gaming Solutions.

Preżenti f’isem l-Għaqda Ġurnalisti Sports kien hemm l-Amministratur Stephen Azzopardi, il-membri tal-Kumitat Eżekuttiv Robert Busuttil u Domenic Aquilina flimkien mal-membru Josef Galdes. Charles Camenzuli kien preżenti f’isem il-Malta Fair Play Movement.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA