Olimpijadi TOKYO 2020
Il-Korea ta’ Fuq mhux ser tieħu sehem fl-Olimpjadi ta’ Tokjo

Daqqa ta’ ħarta għall-organizzaturi tal-Olimpjadi ta’ Tokjo wara li l-Korea ta’ Fuq ħabbret li mhijiex ser tieħu sehem fil-Logħob Olimpiku tas-sajf li ġej.

Il-Minsitru għall-Isport tal-Korea ta’ Fuq, Kim II Guk qal li l-atleti u l-isportivi ta’ pajjiżhom mhux ser jivvjaġġaw lejn il-Ġappun biex jieħdu sehem fl-Olimpjadi. Dan qed isir biex il-kontinġent ikun protett mill-pandemija tal-Covid-19. Jidher li d-deċiżjoni ttieħdet fil-25 ta’ Marzu li għadda, f’laqgħa tal-kumitat Olimpiku tal-Korea ta’ Fuq. Id-deċiżjoni tal-Korea ta’ Fuq kienet ippubblikata fuq is-sit elettroniku tal-Ministeru, Joson Sports.

B’reazzjoni, is-Segretarju tal-Kabinett Ġappuniż Katsunobu Kato qal li l-Ġappun ser jibqa’ jissorvelja s-sitwazzjoni tal-Korea ta’ Fuq, filwaqt li l-pajjiż ser jibqa’ għaddej bil-preparamenti għal dawn l-Olimpjadi.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA