Olimpjadi tax-Xitwa - BEIJING 2022
Il-Korea ta’ Fuq sospiża mill-Kumitat Olimpiku Internazzjonali sa tmiem l-2022

Il-Korea ta’ Fuq ġiet sospiża mill-Kumitat Olimpiku Internazzjonali (KOI) sa tmiem l-2022 wara li ma ntbagħat ħadd biex jikkompeti fl-Olimpjadi ta’ Tokjo.

Il-President tal-Kumitat Olimpiku Internazzjonali Thomas Bach qal li wara d-deċiżjoni unlaterali tal-Korea ta’ Fuq li ma tibgħat l-ebda atleta Tokjo, inħasset il-ħtieġa li tinħareġ din il-projbizzjoni lill-pajjiż sa Diċembru 2022. Dan ifisser li l-Korea ta’ Fuq ma tistax tieħu sehem fl-Olimpjadi tax-Xitwa li ser isiru f’Beijing fi Frar tas-sena li ġejja. Dan ifisser ukoll li l-Korea ta’ Fuq mhi ser tirċievi l-ebda sapport finanzjarju matul is-sospensjoni.

Min-naħa l-oħra, il-President Bach qal li l-KOI għandu d-dritt li jieħu deċiżjonijiet fuq atleti individwali li jikkwalifikaw għal Beijing, kif ukoll li jiddeċiedi fuq is-sospensjoni, jekk jitnaqqasx it-terminu jew le. B’hekk jidher li kif seħħ bil-każ tar-Russja matul l-Olimpjadi, ser isir bil-Korea ta’ Fuq. Minħabba s-sanzjoni fuq ir-Russja, fl-Olimpjadi l-atleta Russi xorta ħadu sehem taħt l-isem tal-Kumitat Olimpiku Russu, u probabbilment l-atleti Koreani li jikkwalifikaw għal Beijing u jkunu jridu jieħdu sehem, ikollhom jagħmlu l-istess.

Bach tkellem ukoll dwar l-atleti Afgani li ħadu sehem fl-Olimpjadi u l-Paraolimpjadi ta’ Tokjo. Qal li kollha kemm huma jinsabu barra l-pajjiż u m’għandhomx ħsieb li jirritornaw. Jidher ukoll li diversi atleti Afgani rċevew viża biex iħallu l-pajjiż u jmorru jabitaw xi mkien ieħor.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA