Olimpijadi TOKYO 2020
Il-Korea t’Isfel trid li jitla’ l-limitu tal-età għat-tournament tal-futbol tal-Olimpjadi

L-Assoċjazzjoni tal-futbol fil-Korea t’Isfel talbet lill-Kumitat Olimpiku Internazzjonali biex jgħolli l-limitu tal-età tal-plejers tal-futbol li se jipparteċipaw fl-Olimpjadi li issa se jsiru s-sena d-dieħla.

L-Assoċjazzjoni Koreana qalet li dawk il-plejers li kienu eliġibbli li jilagħbu t-tournament tal-futbol fl-Olimpjadi tas-sajf li ġej, jilagħbu wkoll is-sena d-dieħla fl-istess Olimpjadi.

It-tournament tal-futbol fl-Olimpjadi hu ristrett għall-plejers ta’ taħt it-23 sena. Għall-edizzjoni tal-Olimpjadi li kellhom jibdew f’Lulju li ġej, il-plejers eliġibbli biex jilagħbu kienu dawk li twieled mill-1 ta’ Jannar tal-1997. L-iskwadri nazzjonali tal-futbol għandhom ukoll permess nbiex jilagħbu tliet plejers li għandhom aktar minn 23 sena.

Id-deċiżjoni li l-Olimpjadi jimxu għas-sajf tas-sena d-dieħla minħabba l-pandemija tal-coronavirus tefgħet problema kbira fuq l-Assoċjazzjonijiet tal-futbol li se jipparteċipaw f’dan it-tournament peress li għandhom diversi plejers li se jkunu qabżu l-età li żżommhom eliġibbli li jilagħbu.

Il-Kumitat Olimpiku tal-Awstralja ukoll qal li l-Kumitat Olimpiku Internazzjonali u l-FIFA iridu jaħdmu flimkien biex isolvu din il-problema.

Miktub minn...
TVM Sport