Formula 1
Il-kuġini Schumacher jistgħu jkunu qed itellqu fil-Formula 1 fis-snin li ġejjin

Żgur li s-segwaċi tal-Formula 1 jiftakru meta ftit tas-snin ilu, l-aħwa Schumacher kienu jtellqu ma’ timijiet differenti. Kien evidenti li Ralf Schumacher ma kienx tajjeb daqs ħuh Michael, imma l-Ġermaniż qiegħed jgħid li tkun idea sabiħa jekk fis-snin li ġejjin jerġa’ jkun hemm żewġ Schumachers fit-tlielaq tal-Formula 1. Dan għaliex il-kuġini Mick u David Schumacher, it-tnejn li huma qegħdin jippromettu ħafna fil-Motorsport u ma tkunx sorpriża jekk it-tnejn li huma jkunu qegħdin jikkompetu fil-Formula 1 fi ftit staġuni oħra.

Mick Schumacher ser ikun qiegħed itellaq fil-Formula 2 is-sena li ġejja, wara li din is-sena rebaħ il-kampjonat tal-Formula 3. Għalkemm huwa seta’ jikkompeti fil-Formula 1 l-istaġun li ġej, it-tim ta’ Schumacher, li jiġi t-tifel tal-leġġenda Michael Schumacher, iddeċieda li għas-sena li ġejja Mick għandu jikkompeti fil-Formula 2 sabiex ikun ippreparat sew għall-Formula 1.

Kuġinuh, David, li jiġi t-tifel ta’ Ralf Schumacher, għandu 17-il sena, u fil-preżent kien qiegħed jikkompeti fil-Formula 4, imma s-sena d-dieħla ser jimxi għall-Formula 3. Fil-fatt, matul din il-ġimgħa, David Schumacher qiegħed jittestja karozza tal-Formula 3 f’Sepang.

Ralf Schumacher qal li tkun ideali li kieku ż-żewġ kuġini jikkompetu fil-Formula 1 flimkien, imma saħaq li aktar kemm toqrob lejn il-Formula 1, iċ-ċansijiet li jkun hemm tim li jingaġġak miegħu jsiru dejjem aktar diffiċli. Qal li kważi m’għandu l-ebda dubju li n-neputi tiegħu Mick jirnexxielu jagħmilha fil-Formula 1, u qiegħed jittama li ibnu David ikollu staġun tajjeb fil-Formula 3 is-sena d-dieħla sabiex jibqa’ jittama li anke hu jagħmilha fl-aqwa kompetizzjoni tal-Motorsport.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm Kontrattakk.
Aħbarijiet Oħra
Formula 1

Il-mara tal-ex champion tal-Formula 1 Michael Schumacher tkellmet dwar is-saħħa ta’ żewġha u f’kummenti li tat waqt intervista reġgħet xegħlet it-tama li s-sewwieq Ġermaniż jista’ jkun li qiegħed jirkupra tajjeb….

Formula 1

Lewis Hamilton kiseb rebħa oħra biex kompla jsaħħaħ l-ewwel post fil-klassifika tal-Formula 1, liema rebħa fiċ-ċirkwit ta’ Monaco huwa ddedika liċ-Chairman mhux eżekuttiv tal-Mercedes Niki Lauda, li miet nhar it-Tnejn…

Formula 1

Lewis Hamilton se jibda mill-pole għall-Grand Prix tal-F1 f’Monaco llum wara li għeleb lil sieħbu tal-Mercedes b’0.086 ta’ sekonda fl-aħħar dawra tal-kwalifiki. Mit-tielet post jitlaq Max Verstappen fuq Red Bull,…

Formula 1

Fi tmiem din il-ġimgħa jsir il-Grand Prix ta’ Monaco fejn huwa mistenni li ser tingħata tislima xierqa mill-organizzaturi u s-sewwieqa lill-ex champion Niki Lauda li ħalla din id-dinja f’din l-istess…

Aktar