Olimpjadi tax-Xitwa - BEIJING 2022
Il-Kumitat Olimpiku Internazzjonali jgħid li mhuwiex ser jindaħal liċ-Ċina dwar id-drittijiet tal-bniedem

Il-Kumitat Olimpiku Internazzjonali (KOI) qal li mhuwiex ser jitfa’ pressjoni fuq iċ-Ċina li ser tospita l-Olimpjadi tax-Xitwa kmieni s-sena d-dieħla. Numru kbir t’atleti u assoċjazzjonijiet ħeġġew lill-KOI sabiex jitfa’ pressjoni fuq iċ-Ċina dwar id-drittijiet tal-bniedem, biss il-Kumitat qal li mhijiex responsabbilità tiegħu li jindaħal f’materji ta’ pajjiżi sovrani.

Numru t’għaqdiet favur id-drittijiet tal-bniedem kif ukoll numru t’avukati Amerikani, talbu lill-KOI sabiex jipposponi l-Olimpjadi tax-Xitwa ta’ Beijing 2022, inkella jittrasferixxi l-avveniment għal pajjiż ieħor. Sal-lum l-Istati Uniti għadha qed issostni li fiċ-Ċina għaddej ġenoċidju kontinwu fuq il-minoritajiet t’Uyghur u Musulmani. L-awtoritajiet Ċiniżi jinsabu akkużati li qed jiffaċilitaw kundizzjonijiet xejn tajbin tax-xogħol, tant li mill-2016 ‘l hawn żammew mal-miljun Ughur u persuni oħra Musulmani f’kampijiet.

Il-Viċi President tal-KOI John Coates qal li r-responsabbilità tal-Kumitat hija dwar l-Olimpjadi u l-kumitati nazzjonali olimpiċi, u mhux dwar id-drittijiet tal-bniedem. Qal li filwaqt li l-KOI jitfa’ enfasi kbira fuq il-fatt li d-drittijiet tal-bniedem ikunu mħarsa, ma jistax jindaħal fuq it-tmexxija ta’ pajjiż jew ieħor fuq dan is-suġġett.

Coates kien mistoqsi mill-ġurnalisti għaliex il-KOI qed juża’ riga differenti mal-pajjiżi. Dan wara li x-xahar li għadda, il-KOI għen mal-100 membru tal-komunità Olimpika sabiex jaħarbu mill-Afganistan b’viża umanitarja wara li t-Taliban ħa l-kontroll tal-pajjiż. Coates qal li x-xogħol tal-KOI huwa li jipproteġi lill-olimpiċi u lil dawk li jiffurmaw parti mill-federazzjonijiet sportivi fl-Afganistan. Sostna li dik hija parti mir-responsabbilità tal-KOI, imma l-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem fiċ-Ċina, mhijiex.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA