Sports Internazzjonali
Il-Kumitat Olimpiku Internazzjonali jrid li l-Olimpjadi tax-Xitwa 2022 isiru bl-ispettaturi

Il-Kumitat Olimpiku Internazzjonali qiegħed jgħid li l-Olimpjadi tax-Xitwa f’Beijing għandhom bżonn l-ispettaturi biex ikunu suċċess. Il-kummenti tal-KOI waslu ftit sigħat qabel ingħata bidu għal-Logħob Olimpiku f’Tokjo li qiegħed isir bil-bibien magħluqa.

Juan Antonio Samaranch Jr, li jmexxi l-kummissjoni kordinattiva tal-IOC, qal li kienet tkun ideali kieku l-ispettaturi setgħu jkunu preżenti wkoll fil-Ġappun, imma issa jridu jħarsu ‘l quddiem lejn Beijing.

Il-Logħob Olimpiku tax-Xitwa mistenni jsir fil-belt Ċiniża bejn l-4 u l-20 ta’ Frar, biss s’issa il-Kumitat Olimpiku Internazzjonali għadu ma varax il-bejgħ tal-biljetti għal dan l-avveniment. Il-KOI qed iżżomm pass lura wara li kienu nbiegħu numru sew ta’ biljetti għall-Olimpjadi ta’ Tokjo, bil-flus kollha kellhom jiġu rifużi wara li ttieħdet id-deċiżjoni li ħadd mhu ser jitħalla jsegwi d-dixxiplini mill-istadia u ċ-ċentri fejn qed isir il-logħob.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA