Futbol lokali
FILMAT: Il-Komunità tal-futbol f’Malta f’luttu hekk kif issellem lil Tony Cauchi

Luttu fi ħdan il-kommunita’ tal-football f’Malta hekk kif miet l-eks player internazzjonali Malti Tony Cauchi. Hu kellu 84 sena. Cauchi kien fis-selezzjoni tat-team Nazzjonali Malti fl-ewwel logħba internazzjonali fl-Empire Stadium fl-24 ta’ Frar tal-1957. Cauchi jibqa’ mfakkar għaliex hu kien skorja l-ewwel goal ta’ Malta fix-xena internazzjonali meta dakinhar il-Maltin kienu tilfu 3-2 kontra l-Awstrija.

Cauchi lagħab għal 15 -il staġun ma’ Floriana fejn rebaħ erba’ kampjonati, sitt darbiet l-FA Trophy, il-Cassar Cup, l-Independence Cup u tliet darbiet ix-Scicluna Cup. Fil-karriera tiegħu hu skorja 175 goal f’226 logħba uffiċjali. Hu kien lagħab f’kull pożizzjoni saħansitra anke goalkeeper ma’ Floriana.

Fi tmiem il-karriera tiegħu Cauchi kien player-coach ma’ Lija Athletic fl-istaġun 1967-68 sabiex wara mexa għal coaching fejn mexxa t-teams ta’ Qormi, Rabat Ajax, Mosta, Żejtun Corinthians, Naxxar Lions, Marsaxlokk u Żebbuġ Rangers. Tony Cauchi hu missier l-eks player ta’ Floriana Denis Cauchi li wkoll fil-karriera tiegħu kellu esperjenzi mat-team Nazzjonali Malti.

TVM Sports jingħaqad mal-familja sportiva u jibgħat il-kondoljanzi lill-familja Cauchi.

 

 

Miktub minn...
TVM Sport
.