Futbol lokali
Il-kumpanija Motors Inc issir sieħeb ġdid tat-tim nazzjonali Malti A u ta’ taħt il-21 sena

Il-kumpanija Motors Inc. Limited, il-Ħamis filgħodu, iffirmat ftehim ta’ sentejn u nofs mal-Malta Football Association li permezz tiegħu il-brand tal-karozzi JEEP se tidher b’mod prominenti fuq il-kits u merchandising ieħor tat-timijiet nazzjonali.

Waqt l-iffirmar tal-ftehim, is-Segretarju Ġenerali tal-MFA, l-Avukat Angelo Chetcuti, esprima sodisfazzjon li l-kumpanija Motors Inc Limited saret sieħba prinċipali tat-timijiet nazzjonali.

Żied jgħid li t-timijiet nazzjonali huma meqjusa bħala l-qofol tal-ħidma ma tieqaf xejn għall-ġid tal-Futbol Malti. Hu saħaq li dan il-ftehim hu konformi mat-triq ‘il quddiem li qed taħdem fuqha l-MFA li tintrabat ma’ sieħba b’reputazzjoni b’saħħitha fil-pajjiż li jistgħu ikomplu jgħinu fil-ħidma li għaddejja bla waqfien biex il-futbol Malti b’mod ħolistiku, jkompli jikber, liema tisħiħ eventwalment jirrifletti f’wirjiet u riżultati aħjar għat-timijiet nazzjonali.

Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv ta’ Motors Inc. Limited, Matthew Fenech qasam l-entużjażmu tal-entità tiegħu li bi kburija se tkun qed tappoġġja lit-timijiet nazzjonali. Hu qal li hi ta’ priorità li dixxiplina sportiva ferm popolari u segwita f’Malta bħalma hu l-futbol jiġi mgħejjun aktar, partikolarment f’dawn iż-żminijiet ta’ sfida għal kulħadd.

Fenech kompla jgħid li Motors Inc Limited tinsab kburija b’din il-kollaborazzjoni, propju fi żminijiet eċċitanti għat-tim nazzjonali, b’awgurju sinċier li l-progress jibqa’ ġej u nibqgħu nibnu fuq il-wirjiet u r-riżultati ferm tajbin miksuba f’Ottubru.

Miktub minn...
TVM Sport