Il-Kungress tal-UEFA japprova kompetizzjoni ġdida

Football internazzjonali: il-UEFA approvat kompetizzjoni ġdida għall-pajjiżi ewropej, apparti t-tazza tad-dinja u l-kampjonat ewropew.

Il-league tan-nazzjonijiet, kif qed jissejjaħ, għandu jibda f’Settembru 2018: b’erba’ timijiet jirbħu post fil-finali tal-kampjonat Euro 2020.

L-approvazzjoni ngħatat fil-kungress tal-Uefa fil-Kazakstan.

Id-dettalji tal-kompetizzjoni għad irid jiġu finalizzati, imma se jkun hemm erba’ diviżjonijiet, skond ir-ranking tat-timijiet: maqsumin f’erba’ sezzjonijiet il-waħda. Timijiet bħall-Ingilterra, l-Italja, Spanja, u l-Ġermanja, mistennija jibdew fl-ogħla divizjoni. Se jkun hemm promozzjoni u relegazzjoni minn diviżjoni għal oħra.

Il-logħob tal-kompetizzjoni l-ġdida se jieħu post ħafna mil-logħob ta’ ħbiberija: bil-partiti tas-sezzjonijiet jintlagħbu bejn Settembru u Novembru, u r-rebbieħa tas-sezzjonijiet jiltaqgħu f’semifinali u finali s-sajf ta’ wara.

L-aħjar erba’ timijiet f’kull diviżjoni li ma jkunux diġa’ kkwalifikaw ghal Euro 2020, jilagħbu playoffs biex jgħaddu għall-finali.

Miktub minn...
TVM Sport
.