Futbol lokali
Il-Kunsill tal-MFA għat-Tnejn li ġej fl-16.30; hemm 80 vot eliġibbli iżda l-erba’ uffiċjali se jastjenu

Il-Kunsill li jmiss tal-Malta Football Association se jsir it-Tnejn li ġej b’mod virtwali u se jibda fl-16.30.

L-aħbar ġiet ikkonfermata ftit tal-minuti ilu f’laqgħa oħra tal-Eżekuttiv li sejjaħ il-President Bjorn Vassallo u li bdiet fit-15.15 u ntemmet fid-21.00.

Minkejja diversi temi li ġew diskussa fl-Eżekuttiv tal-lum, l-aktar waħda ta’ importanza kienet bla dubju d-data tal-Kunsill li jmiss fejn fih irid jittieħed vot dwar il-verdetti tal-klassifiċi sa meta waqaf il-futbol f’Malta minħabba l-COVID-19.

Fil-Kunsill li jmiss se tittieħed id-deċiżjoni dwar il-prinċipji ta’ promozzjonijiet u relegazzjonijiet abbażi tal-mertu sportiv sakemm ġew itterminati l-kompetizzjonijiet kollha tal-MFA fil-bidu ta’ Marzu.

Dan kollu se jsir permezz ta’ diversi voti, fosthom dawk li jinkludu promozzjonijiet u relegazzjonijiet u jekk għandux ikun hemm rebbieħa fil-livelli kollha tal-futbol Malti.

L-aktar deċiżjoni mistennija fil-Kunsill tat-Tnejn li ġej hi dik li bil-votazzjoni li se ssir, Floriana FC hux se jingħataw it-titlu jew le.

Floriana FC rebħu l-aħħar titlu fl-istaġun 1992/93 u dan jista’ jkun is-26 titlu fl-Istorja tagħhom.

TVMSport jinsab infurmat li se jkun propost li l-partiti tal-promotion u tar-relagation play-off għall-istaġun 2019/20 ma jinltagħbux ġaladarba l-kompetizzjonijiet ġew itterminati. Din ifisser li se jkun proprost li l-partita bejn min spiċċa t-tielet mill-aħħar u fit-tielet post tad-diviżjoni inferjuri mhux se tkun qed tintlagħab u ż-żewġ timijiet involuti jibqgħu fid-diviżjoni li lagħbu fiha f’dan l-istaġun.

Għalkemm jidher li l-Kumitat Eżekuttiv tal-MFA ħejja mozzjonijiet għal dawn iċ-ċirkostanzi kollha, mhux eskluż li xi klabbs iqajmu mozzjonijiet oħra fil-ħin tal-laqgħa u għaldaqstant wieħed ma jistax jantiċipa l-eżitu finali dwar kemm-il votazzjoni differenti se jkun hemm.

Għall-votazzjoni tat-Tnejn li ġej hemm 80 vot eliġibbli. Dawn huma tat-53 klabb ta’ Malta, tat-23 tal-Member Associations u tal-erba’ uffiċjali tal-MFA.

L-erba’ uffiċjali tal-MFA li huma eliġibbli għal vot huma t-tliet Viċi Presidenti u t-Teżorier, li fuq parir tal-President Bjorn Vassallo, diġà għamluha uffiċjali fi stqarrija tal-MFA stess li se jkunu qed jastjenu minn din il-votazzjoni.

L-uniku żewġ uffiċjali tal-amministrazzjoni tal-MFA li m’għandhomx vot huma l-President Bjorn Vassallo u s-Segretarju Ġenerali Dr Angelo Chetcuti.

Madankollu, anki jekk diffiċli u kważi impossibbli li tiġri, il-President Vassallo jkollu jitfa’ l-vot ukoll u jiddeċiedi hu d-destin ta’ kull votazzjoni, f’każ li tispiċċa b’voti ndaqs fuq naħa u oħra.

Il-23 vot tal-Members Associations huma mqassma hekk: Żewġ voti kull wieħed il-Gozo FA, il-Malta Referees Association, Il-Malta Coaches Association, il-Malta Amateur Football Association, l-Inter Amateur Soccer Competition, id-District Leagues Association, il-Youth FA, il-Malta Employees Sports Association, l-Industrial Soccer Association u l-Malta Futsal Association.

Il-Gozo Youth FA, il-Masters Football Association u l-Beach Soccer Association għandhom vot kull wieħed.

Kull votazzjoni se ssir b’mod diġitali u sigriet permezz ta’ programm li għandha l-Assoċjazzjoni li jagħti biss ir-riżultat finali mingħajr ma jikxef kif ivvota l-individwu.

Sorsi ta’ TVMSport jikkonfermaw li l-MFA mistennija tqabbad nutar biex taċċerta trasparenza fir-riżultat finali.

Miktub minn...
TVM Sport
Aħbarijiet Oħra
Futbol lokali

L-ex plejer internazzjonali Malti Andre’ Schembri nħatar kowċ tat-tim ta’ taħt il-15-il sena ta’ Apollon Limassol. Apollon Limassol hu t-tim li Schembri lagħab miegħu bħala plejer professjonali f’Ċipru bejn l-2017…

Futbol lokali

Il-President ta’ Żejtun Corinthians Joe Gauci tkellem għall-ewwel darba ma’ TVM Sport min mindu l-Club tiegħu ġie uffiċjalment dikjarat Champion tal-ewwel diviżjoni għall-istaġun 2019/20 u b’hekk kien promoss ukoll għall-kampjonat…

Futbol lokali

F’intervista ma’ TVMSport li se tixxandar illejla, Victor Sciriha kkonferma li se jibqa’ President ta’ Valletta FC u mhux se jkun qed jitlaq il-kariga qabel ma fi kliemu jara “li…

Futbol lokali

Il-Gozo Football Association ippreżentat it-tazza ta’ champions tal-BOV Gozo Football League 2019/20 lil Nadur Youngsters f’ċeremonja qasira. Din il-preżentazzjoni setgħet issir wara li l-kunsill tal-Malta Football Association ikkonferma d-deċizjoni tal-Gozo…

Aktar