Futbol internazzjonali
Il-logħba storika t’Atalanta kontra Valencia fiċ-Champions League setgħet kienet il-katalist għall-coronavirus

Dik li kienet l-akbar logħba fl-istorja tat-tim t’Atalanta, setgħet kienet il-katalist biex l-Italja tinsab fl-istat li tinsab fih bħalissa fil-ġlieda kontra l-coronavirus. Atalanta kienu ser jilagħbu l-ewwel leg tar-Round tas-16 kontra Valencia u l-partitarji kellhom jivvjaġġaw sa Milan minħabba li l-konfront intlagħab f’San Siro.

Aktar minn xahar wara din il-logħba, l-esperti qed jippuntaw subgħajhom lejn dan il-konfront bħala l-katalist biex fl-Italja l-każi tal-coronavirus splodew ‘il fuq, qishom tiben ħdejn in-nar. Skont ċertu esperti, il-logħba tad-19 ta’ Frar kienet ‘bomba bioloġika’ u r-raġuni għaliex 35% mill-plejers u l-uffiċjali ta’ Valencia spiċċaw infettati bil-Covid-19. Il-logħba bejn Atalanta u Valencia seħħet jumejn qabel mill-ewwel każ ta’ trażmissjoni lokali fl-Italja.

Għal-logħba bejn Atalanta u Valencia, xejn inqas minn 40,000 partitarju tal-Bergamaschi għamel il-vjaġġ lejn Milan, u mhuwiex eskluż li persuni li kienu diġa’ infettati bil-virus, għaddewh lill-oħrajn li kienu maġenbhom jew li ġew f’kuntatt magħhom. Barra dawn kien hemm ukoll il-partitarji ta’ Valencia li għamlu l-vjaġġ minn Spanja għall-Italja biex isegwu lit-tim favorit tagħhom.

F’inqas minn ġimgħa wara l-logħba li tlaqqmet “Game Zero”, bdew ifaqqsu l-ewwel każijiet fil-provinċja ta’ Bergamo, filwaqt li ġurnalist sportiv li għamel il-vjaġġ minn Spanja għall-Italja ttestja pożittiv għall-coronavirus, it-tieni wieħed fir-reġjun Spanjol, iżda li sa ftit tal-jiem wara ngħaqdu miegħu mijiet oħra infettati bil-Covid-19.

Nhar it-Tlieta li għadda, il-goalkeeper t’Atalanta Marco Sportiello kien l-ewwel plejer fit-tim li ttestja pożittiv għall-virus, imma l-plejers ta’ Valencia ntlaqtu ħafna agħar meta 35% minnhom spiċċaw infettati. Sa nhar it-Tlieta, f’Bergamo biss kien hemm mas-7,000 każ, u aktar minn 1,000 persuna tilfu ħajjithom, biex b’hekk din il-provinċja hija l-aktar waħda milquta ħażin mill-pandemija.

Skont Luca Lorini, il-kap tat-Taqsima tal-Kura Intensiva fl-isptar Papa Ġwanni XXIII f’Bergamo, il-fatt li kellek mal-40,000 partitarju maġenb xulxin, jifirħu, jgħannqu u jbusu lil xulxin, kienet l-agħar sitwazzjoni għal dan il-virus. F’din il-logħba Atalanta skurjaw erba’ darbiet, u Lorini qed jgħid li l-partitarji minn tal-inqas, għal 4 darbiet, spiċċaw jitgħannqu u jbusu lil xulxin għax it-tim tagħhom skurja.

Il-captain t’Atalanta Alejandro ‘Papu’ Gomez tkellem ma’ ġurnal Arġentin u qal li dik il-logħba kontra Valencia kienet misħuta. Skontu, 40,000 partitarju minn belt ta’ 120,000 ruħ marru Milan biex jarawhom jilagħbu, u filwaqt li għal Atalanta din kienet logħba storika u unika, ir-riperkussjonijiet wara kienu u huma tal-biża’. Skont Gomez, martu kienet waħda mill-partitarji li vvjaġġat lejn Milan, u traġitt li s-soltu jdum 40 minuta, dakinhar tal-logħba ħadilha 3 sigħat bin-numru kbir ta’ partitarji Bergamaschi li marru jaraw il-logħba.

Qabel il-logħba, il-partitarji ta’ Valencia kellhom iċ-ċans kollu li joqgħodu jduru madwar Milan u nġabru f’ġemgħat differenti fil-pjazez tal-belt u ġew f’kuntatt ukoll ma’ persuni Taljani.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA
Aħbarijiet Oħra
Futbol internazzjonali

Jekk kontu taħsbu li l-football kollu madwar id-Dinja jinsab wieqaf sejrin żbaljati għaliex fl-Ewropa eżattament fil-Belarus il-kampjonat tal-ogħla diviżjoni għadu għaddej. Bit-teams ta’ BATE Borisov u Dinamo Minsk l-iktar popolari…

Futbol internazzjonali

Il-players tal-football fil-Brażil se jkollhom vaganza twila kollox imħallas tal- inqas għal tliet ġimgħat minħabba l-coronavirus. Kollox qed jindka li l-Football fil-Brażil jinsab ukoll affetwat bil-virus u l-kampjonati jidher li…

Futbol internazzjonali

Il-Club tal-Premier Ingliż Manchester City se jkunu qed ipoġġi għad-dispożizzjoni tal-NHS (National Health Service) parti sostanzjali tal-Etihad Stadium. Bħala parti mill-għajnuna li Manchester City se jkunu qed jagħtu lill-NHS se…

Futbol internazzjonali

Il-President tal-UEFA Aleksander Ceferin għamilha ċara għall-ewwel darba kemm ilha li li ggravat il-kriżi COVID-19 bil-konsegwenza li waqfu l-kampjonati domestiċi li jekk dawn ma jistgħux jitkomplu sa Ġunju jistgħu jkunu dikjarati…

Aktar