Ibburdjar
Il-Malta Young Sailors Club jorganizza festival ta’ windsurfing

Grupp ta’ baħħara mill-Malta Young Sailors Club dan l-aħħar iffokaw l-attenzjoni tagħhom fuq il-windsurfing, sport li kien laħaq il-popolarità tiegħu fis-snin tmenin u disgħin.

Din l-attività wasslet għall-iżvilupp ta’ festival tal-windsurfing li kien mifrux fuq jumejn bejn it-8 u d-9 ta’ Awwissu f’San Pawl il-Baħar.

Il-parteċipanti tqassmu f’erba’ klassijiet – Long Board Open Class, Windsurfer LT One Design Class, Slalom u Beginners.

Il-Kategorija tal-Juniors intrebħet minn Benjamin Vassallo.

Zach Zammit kien ir-rebbieħ tal-Klassi Slalom.

Il-Long Board LT Class rat l-akbar mewġa ta’ parteċipanti. Dawn ħadu sehem fi tmient itlielaq.

Minkejja li kien ilu ma jikkompeti għal iktar minn żewġ deċennji, il-veteran Jean Paul Fleri Soler u ħuh Mark taw dimostrazzjoni tal-kapaċità tagħhom u ħarġu rebbieħa.

Miktub minn...
TVM Sport