Olimpijadi TOKYO 2020
Il-maltempata tropikali Nepartak taffettwa l-Olimpjadi

Maltempata qawwija fil-lvant ta’ Tokjo ħarbtet xi ftit il-programm olimpiku għat-Tlieta 27 ta’ Lulju. Sal-bieraħ kienu diversi dawk li nkwetaw li l-maltempata kienet ser tolqot fiċ-ċentru tal-belt ta’ Tokjo, imma fortunatament la kien hemm xita u lanqas irjiħat qawwija.

Il-kompetizzjoni tat-triathlon kellha tiġi posposta bi ftit fil-bidu tagħha f’Tokjo Bay, u issa l-attenzjoni qiegħda fuq id-dixxiplina tas-softball minħabba li tista’ tkun affettwata fis-sigħat li ġejjin.

Il-midalji għall-kompetizzjoni tas-surfing kienu mirbuħa ġurnata qabel milli suppost wara li l-organizzaturi ddeċidew li jmexxu d-dixxiplina minħabba li kien hemm mewġ għoli li kien aktar utli għall-kompetizzjoni.

Kien previst li l-belt ta’ Tokjo kienet ser taffaċċja xita qawwija matul il-ġurnata tat-Tlieta kawża tal-maltempata tropikali Nepartak, biss issa jidher li t-tbassir qed jimmarka li ser tolqot kmieni l-Erbgħa filgħodu. L-organizzaturi qed jittamaw li ma jkunx hemm ħafna dixxiplini affettwati, kif intmessu d-dixxplini tal-qdif, sparar bil-qaws u surfing.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA