Ibburdjar General
Il-Mapfre Middlesea Euromed Regatta lesta biex tilqa’ madwar 230 baħħar f’Malta

Il-Mapfre Middlesea Euromed Regatta, li hija appoġġjata minn Yachting Malta u miżmuma taħt l-awspiċji tal-Malta Sailing Federation, tibda nhar il-Ħamis, 19 ta’ Diċembru.

Organiżżata mill-Malta Young Sailors Club, din is-sena ir-Regatta internazzjonali ser tkun qeda tiċċelbra l-għoxrin edizzjoni tagħha, li minn tellieqa żgħira lokali sviluppat f’Regatta internazzjonali li tkun mistennija minn ħafna baħħara.

Din is-sena din l-edizzjoni, ser tkun qed tilqa forta 230 baħħar minn sitta u għoxrin pajjiz. Dawn ser jkunu qedin jikkompetu fil-Klassijiet Laser u Optimist. Din tal-aħħar ser tkun l-ikbar klassi fejn iktar minn mitejn baħħar ser jkun qed jikkompetu fil-kategoriji Novice, Open u Cadet, filwaqt li l-kumplament ser jkunu qedin jikkompetu fil- kategoriji 4.7, Radial u Standard fil-Klassi Laser.

Fil-passat, baħħar Maltin ipproduċew riżultati tajbin meta rebħu ir-Regatta diversi drabi – dawn kienu Matthew, Ella, Edward Fleri Soler, Thomas Zammit Tabona. Fis-snin reċenti kien Richard Schultheis li ġab l-unur lil Malta tlett darbiet.  L-organizzaturi qedin jistennew prestazzjonijiet tajba mill-baħħara lokali iżda din mhix ser tkun kompetizzjoni faċli minħabba li fost il-kompetituri ser jkun hemm Alessandro Cortese, iċ-ċampjin preżenti tal-Ewropa tal-Klassi Optimist, li żgur ser jkun qed jissielet għal post fuq il-podju. Fost il-flotta ser jkun hemm timijiet tajbin mill-Isviżżera u l-Awstrija fost l-oħrajn.

“Qedin nistennew l-għoxrin edizzjoni tal-Euromed b’ħerqa kbira. Il-Klabb tagħna ilu jaħdem is-sena kollha sabiex nkunu nistgħu noffru regatta memorabli li tħalli isem tajjeb għal-Malta fost il-komunita internazzjonali tal-ibburdjar “ spjega Christian Bajada, Commodore – Malta Young Sailors’ Club.

It-tlielaq isiru fil-Bajja tal-Mellieħa. Huwa ppjanat li tlielaq jibdew mill-għaxra ta’filgħodu il-quddiem, dejjem skond il-kundiżżjoni tat-temp.

Din ir-Regatta qeda tiġi appoġġjata minn Mapfre Middlesea plc u Yachting Malta Ltd.

Miktub minn...
TVM Sport