Motorsport
Il-Motorsport ivara programm ta’ taħriġ – “Se jkollna trakka ta’ livell internazzjonali u se titlesta f’din il-leġislatura” – Clifton Grima

Il-Motorsport f’Malta varat programm ta’ taħriġ għall-uffiċjali tagħha biex ikunu jistgħu jilħqu l-livelli internazzjonali mixtieqa. Dan kollu tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet li saret illum wara nofsinhar bl-isem ta’ Erasmus+ Project.

Clifton Grima, Segretarju Parlamentari għall-Isport, qal li bi pjaċir se jkun qiegħed jappoġġja dan il-programm fejn uffiċjali Maltin se jkunu qegħdin jitħarrġu biex jakkwistaw aktar kapaċità u esperjenza bħalma ġara diġà fil-ġimgħa li għaddiet fl-isport tal-isparar fejn judges Maltin kienu assistieti minn judges oħra barranin.

“L-uffiċjali tal-motorpsort f’pajjiżna se jkunu lesti u preparati għall-meta t-trakka tal-karozzi se tkun lesta f’pajjiżna. Qiegħed inwiegħed li f’Malta se jkollna trakka ta’ livell internazzjonali u li din it-trakka se titlesta f’din il-leġislatura. Se jkun proġett ta’ benefiċċju għall-isportivi lokali u għall-ekonomija ta’ Malta,” qal Grima.

Clifton Grima qal li jinsab impressjonat bil-professjonalità tal-Federazzjoni tal-motorsport f’pajjiżna u dan jawgura tajjeb peress li f’Malta hawn eluf kbar ta’ dilettanti ta’ dan l-isport.

“Inħeġġeġ biex aktar nies jidħlu f’dan l-isport u biex jitħajjru jidħlu uffiċjali. Ninsab sodisfatt ħafna b’dan l-isport f’pajjiżna u ninsab ċert li fil-futur dan l-isport se jkun wieħed sabiħ ħafna,” temm is-Segretarju Parlamentari.

Tonio Cini, President tal-Federazzjoni tal-motorsport f’Malta spjega kif dan il-proġett se jkun qed isir biex jisguraw l-aqwa prattiċità possibbli mill-uffiċjali lokali għal meta jkollhom avvenimenti organizzati fuq livelli internazzjonali.

“Se jkun proġett interessanti u ambizzjuż. Qed inħarsu ’l quddiem biex l-uffiċjali tagħna jkollhom il-livell li jixirqilhom. Irridu aktar nies jidħlu f’dan il-proġett li se jkun qed iseħħ bis-saħħa ta’ Erasmus+.

“L-uffiċjali se jkunu qed isifru u jagħmlu tlett ijiem ‘shadowing’ fid-dixxipplina tagħhom.

“Qed nilqgħu bi pjaċir kbir l-aħbar tal-Gvern u l-appoġġ tal-Onorevoli Grima li se jkunu qed ilestu l-proġett tat-trakka l-ġdida sa tmien din il-leġislatura,” qal Cini.

Brian Schembri, f’isem l-EUPA li jieħdu ħsieb l-Erasmus+, qal li hu ta’ pjaċir għalihom li jaraw proġetti bħal dawn jirnexxhu u organizazzjonijiet bħal dawn jibbenifikaw. Schembri qal li dan hu bidu ta’ proġett li fadallu ħafna biex jintemm.

“Erasmus+ qiegħed hemm biex jgħin lill kull min għandu bżonn fi proġetti serji. Hemm intenzjoni li l-benefiċċju tal-Erasmus+ jgħaddi lill-persuni oħrajn f’organizazzjonijiet oħra.

“Ċert li l-proġett tal-motorsport se jkun qed jirnexxhi. Dan hu proġett li se nkunu qegħdin naraw li jimxi skont il-prioritajiet li kien hemm fl-applikazzjoni,” qal Schembri.

Il-proġett se jkun qed jiġi kkordinat bejn il-Federazzjoni Maltija tal-motorsport u l-ACI Sports tal-Italja. Iż-żewġ entitajiet huma l-awtoritajiet tal-pajjiż fil-motorsport u t-tnejn membri tal-FIA.

Il-Gala Night tal-awards tal-motorsport se ssir fl-24 ta’ Marzu li ġej.

Miktub minn...
TVM Sport