Ibburdjar MiddleSea
Il-multihull Argo jikser ir-rekord tar-Rolex Middle Sea Race b’aktar minn 23 siegħa

Ilbieraħ inkiser ir-rekord assolut tar-Rolex Middle Sea Race, fit-42 edizzjoni ta’ din it-tellieqa. Kien il-jott multihull Amerikan, Argo, tal-iskipper Jason Carrol li rebaħ il-line honours f’ħin ta’ 33 siegħa, 29 minuta u 28 sekonda.

Sa qabel ilbieraħ, ir-rekord tar-Rolex Middle Sea Race fil-kategorija tal-multihulls kien ta’ 56 siegħa, 31 minuta u 31 sekonda, biex b’hekk il-jott Argo kiser dan ir-rekord imwaqqaf is-sena li għaddiet minn Giovanni Soldini u l-jott Maserati Multi70. Jason Carroll flimkien mal-ekwipaġġ ta’ MOD70 Argo kisru r-rekord b’aktar minn 23 siegħa. Minbarra dan ir-rekord, l-ekwipaġġ kiser ukoll ir-rekord tat-tellieqa li kien ta’ 47 siegħa, 55 minuta u 3 sekondi mwaqqaf mir-Rambler ta’ George David fl-2007.

Wara Argo daħlu wkoll fil-Port ta’ Marsamxett il-jott Skorpios, Comanche, Ultim’Emotion 2. Fil-ħin li ġej il-jott Rambler għandu jasal f’pajjiżna. L-ewwel jott Malti li jinsab fi triqtu lura pajjiżna huwa Artie III li bħalissa qiegħed bejn Favignana u Pantelleria.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA