Waterpolo
Il-Pixxina ta’ Neptunes Waterpolo and Swimming Club ser tibda tissaħħan

SportMalta ser tibda tħallas madwar €120,000 fi spejjeż operattivi u spejjeż tal-gass sabiex il-pixxina ta’ Neptunes Waterpolo and Swimming Club tkun imsaħħna. Dan il-ftehim sar għat-tliet snin li ġejjin, bis-Segretarju Parlamentari għall-Isport, Rikreazzjoni u l-Għaqdiet Volontarji Clifton Grima jgħid li qegħdin jiżdiedu l-faċilitajiet għal pixxini alternattivi, apparti l-Pixxina Nazzjonali f’Tal-Qroqq.

Minħabba d-domanda qawwija li qiegħed ikun hemm għall-pixxina nazzjonali, il-Gvern u SportMalta ħassew li għandhom jinvestu f’pixxini oħra sabiex aktar klabbs u għawwiema jkollhom fejn jitħarrġu. Dan ifisser li SportMalta ser ikollha madwar 30 slot għat-taħriġ tal-waterpolo, u madwar 258 siegħa f’linji għall-għawm fil-ġimgħa.

Skont iċ-Chairman ta’ SportMalta Luciano Busuttil, dan il-ftehim ikompli jsaħħaħ ir-relazzjoni ma’ diversi għaqdiet sportivi, sabiex ir-riżorsi jintużaw bl-aħjar mod possibbli.

Il-President ta’ Neptunes WPSC, Matthew Bonello, irringrazzja lill-Gvern u lil SportMalta għal din l-għajnuna, u kkonferma li dan il-ftehim ser ikompli jgħin lill-klabb itaffi mill-ispejjeż. Il-pixxina ta’ Neptunes WPSC ser tibda tissaħħan bejn Ottubru u Diċembru, kif ukoll bejn Marzu u Mejju. Bejn Jannar u Frar din il-pixxina mhux ser tiġi msaħħna minħabba li tkun milquta diversi drabi mill-maltempati u allura ma tkunx tista’ tintuża’.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA