Badminton
Il-plejer tal-badminton Matthew Abela jsir it-tieni atleta Malti għall-Olimpjadi

Il-plejer tal-badminton Matthew Abela ġie kkonfermat bħala t-tieni atleta Malti li se jifforma parti mill-kontinġent Malti fil-Olimpjadi f’Tokjo.

Abela ilu jikkompeti fil-badminton mill-1992 u bena esperjenza internazzjonali konsiderevoli wara li kien ibbażat fid-Danimarka għat-taħriġ għal perjodu ta’ żmien.

Il-parteċipazzjoni ta’ Abela saret ukoll possibbli permezz tal-Kummissjoni Tripartita tal-IOC li toffri lill-Kumitati Olimpiċi Nazzjonali l-opportunità li japplikaw biex jibagħtu l-aħjar atleti fl-isport rispettiv tagħhom li ma rnexxielhomx jikkwalifikaw.

It-tiratriċi Eleanor Bezzina kienet ukoll reċentement magħżula permezz ta’ dan il-programm.

Il-President tal-Kumitat Olimpiku Malti, Julian Pace Bonello, qal li din hi aħbar sabiħa ħafna għax hija l-ewwel darba li Malta se tkun irrappreżentata fl-isport tal-badminton.

L-Olimpjadi jibdew fit-23 ta’ Lulju u jintemmu fit-8 ta’ Awwissu.

Miktub minn...
TVM Sport