Futbol internazzjonali
Il-Poloz tal-Gruppi ta’ kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja 2022 se jitilgħu fis-7 ta’ Diċembru

It-Tim Nazzjonali Malti tal-futbol se jkun jaf min se jkunu l-avversarji tiegħu fil-grupp ta’ kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja tal-Qatar tas-sena 2022 nhar is-7 ta’ Diċembru meta se jittelgħu l-poloz fi Zurich. Il-Format tal-gruppi għall-55 membru tal-UEFA se jkunu skond kif diġa’ mħabbar mill-FIFA jiġifieri se jkun hemm għaxar gruppi b’kollox, b’ħames gruppi ta’ sitt tims u ħames gruppi oħra b’ħames tims.

Mill-kwalifikazzjoni għaż-żona ewropea se jikkwalifikaw biss 13 -il tim għat-Tazza tad-Dinja 2022 u allura l-format ta’ min se jikkwalifika se jkun hekk:

Ir-rebbieħa tal-għaxar gruppi jikkwalifikaw awtomatikament u l-għaxar runner ups (li jispiċċaw fit-tieni post) jikkwalifikaw għall-playoffs fuq leg wieħed. Fil-fażi tal-gruppi kull tim jilgħab home u away.

Fil-playoffs aparti l-għaxar tims li jkunu spiċċaw fit-tieni post fil-gruppi se jingħaqdu wkoll l-aħjar żewġ tims Nazzjonali li jkolhom l-aħjar ranking fil-UEFA Nations League 2020/21 u li ma jkunux irnexxielhom jikkwalifikaw mal-ewwel żewġ postijiet fil-gruppi rispettivi ta’ kwalifikazzjoni tat-Tazza tad-Dinja 2022.

Il-Playoffs imbgħad se jieħdu format ta’ tliet semi finali bejn erba’ tims kull darba (12 -il tim b’kollox) sabiex ikunu determinati tliet rebbieħa li se jiffurmaw it-13 -il tim mill-Ewropa li jkunu kkwalifikaw għat-Tazza tad-Dinja tal-FIFA Qatar 2022.

 

Miktub minn...
TVM Sport
.