Olimpijadi TOKYO 2020
Il-Premier ta’ Queensland ‘ordnata’ tattendi għaċ-ċerimonja tal-ftuħ tal-Olimpjadi

Il-Premier ta’ Queensland Annastacia Palaszczuk kienet ordnata sabiex tattendi għaċ-ċerimonja tal-ftuħ li ser issir għada fl-Istadium Olimpiku ta’ Tokjo. Dan wara li l-President tal-Kumitat Olimpiku Awstraljan John Coates qalilha ċar u tond li trid tattendi għaċ-ċerimonja waqt konferenza tal-aħbarijiet.

Matul il-ġurnata tal-Erbgħa l-belt ta’ Brisbane rċeviet l-aħbar li ser tkun qed tospita l-Olimpjadi 2032, u għaldaqstant il-pajjiż suppost irid ikun irrappreżentat fiċ-ċerimonja tal-ftuħ.

Għal Annastacia Palaszczuk din xejn mhi sitwazzjoni faċli. Fl-Awstralja hemm mat-13-il miljun persuna maqfulin f’lockdown minħabba numru għoli ta’ każijiet tal-Covid-19. U l-midja Awstraljana m’uriet l-ebda ħniena ma’ Palaszczuk, minħabba li vvjaġġat lejn Tokjo sabiex tirrappreżenta lill-Awstralja fit-tħabbira ta’ min ser jospita l-Olimpjadi 2-32.

Qabel telgħet minn pajjiżha, Palaszczuk kienet għamlitha ċara li mhu ser tattendi għall-ebda attività f’Tokjo, ħlief għat-tħabbira ta’ min ser jospita l-Olimpjadi, u kienet ser tibqa’ f’kamritha fil-lukanda. Biss l-Erbgħa filgħaxija dak kollu li qalet kellha tmur lura minnu minħabba li Coates ‘ordnalha’ li tattendi għaċ-ċerimonja tal-ftuħ.

Fil-konferenza tal-aħbarijiet Coates qalilha, “Inti sejra għaċ-ċerimonja tal-ftuħ. Fi Brisbane ser ikollna ċerimonja tal-ftuħ u tal-għeluq u allura għandkom bżonn taraw x’isir. Ħadd mhu ser joqgħod jistaħba fil-kamra tiegħu.” Jidher li Annastacia Palaszczuk kellha taċċetta l-ordni tant li fuq stazzjon televiżiv Awstraljan ammettiet li ser ikollha tagħmel kif qalilha l-President tal-Kumitat Olimpiku Awstraljan.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA