Futbol lokali
Il-President tal-FIFA Infantino f’Malta nhar il-Ġimgħa 18 ta’ Ġunju

Il-Malta Football Association ħabbret li l-President tal-Fifa Gianni Infantino ser ikun qed iżur Malta nhar il-Ġimgħa 18 ta’ Ġunju. Infantino laqa’ l-istedina tal-President tal-MFA Bjorn Vassallo sabiex isiru taħditiet bilaterali dwar l-iżvilupp tal-futbol Malti u kif Malta tista tkun ta’ kontribut aktar għall-komunita internazzjonali tal-futbol.

Waqt li jkun f’pajjiżna l-President tal-FIFA ser jinawgura l-Mużew tal-Futbol li ser ikun fil-Millenium Stand tal-Istadium Nazzjonali.

Infantino ser ikollu wkoll laqgħa privata f’Kastilja mal-Prim Ministru Robert Abela.

Intant aktar tard din is-sena mistenni f’Malta wkoll il-President tal-Uefa Aleksandr Ceferin li kellu jiġi fl-istess żmien mal-President tal-Fifa.

Miktub minn...
Simon Farrugia
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-Isport lokali u internazzjonali. Jippreżenta l-aħbarijiet sportivi , jirraporta u kummentatur tal-logħbiet mill-Kampjonat Premier, UEFA Champions League u UEFA Europa League