Olimpijadi TOKYO 2020
Il-President Thomas Bach jemmen li l-ispettaturi ser ikunu jistgħu jsegwu l-Olimpjadi tas-sena d-dieħla

Il-President tal-Kumitat Olimpiku Internazzjonali Thomas Bach qal li jinsab kunfidenti li l-Olimpjadi ta’ Tokjo tas-sena d-dieħla ser isiru f’ambjent sikur, ‘il bogħod mill-pandemija tal-Covid-19. Skont Bach hemm diversi għażliet quddiem il-Kumitat Olimpiku Internazzjonali, dwar x’ser iseħħ skont il-vaċċin tal-Covid-19. Qal ukoll li bejn il-15 u t-18 ta’ Novembru ser ikun f’Tokjo biex jara xi żviluppi qed iseħħu bi preparament għall-Olimpjadi tas-sena d-dieħla.

Kien f’Marzu li għadda meta l-Kumitat Olimpiku Internazzjonali u l-organizzaturi tal-Olimpjadi ta’ Tokjo ħadu d-deċiżjoni li l-Logħob Olimpiku jkun pospost b’sena. Dan il-posponiment sewa eluf ta’ flus lill-organizzaturi, biss issa hemm it-tama li forsi l-ispettaturi jkunu jistgħu jattendu sabiex isegwu l-Logħob. Għalkemm għadu pjuttost kmieni, il-President Bach qal li għalkemm probabbli mhux ser jitħalla n-numru tal-ispettaturi bħal edizzjonijiet passati, xorta waħda jemmen li ser jiddaħħlu numru ta’ spettaturi jsegwu d-dixxiplini differenti.

Mistoqsi jekk kienx hemm diskussjoni dwar il-kanċellament tal-Logħob Olimpiku, il-President Bach ikkonferma li le u li l-kanċellament tal-Olimpjadi ma kienx fuq l-Aġenda.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA