Futbol internazzjonali
Il-Prim Ministru Ingliż jikkritika dak li għamlu l-partitarji ta’ Manchester UTD, imma jifhem il-mottiv wara l-azzjonijiet

Il-Prim Ministru Ingliż Boris Johnson ikkritika dak li seħħ nhar il-Ħadd li għadda meta partitarji ta’ Manchester Stadium daħlu f’Old Trafford u minħabba f’hekk il-logħba kontra Liverpool kellha tiġi posposta.

Il-Prim Ministru Johnson qal li jifhem l-għada tal-partitarji tar-Red Devils li ma jridux lill-familja Glazer tkompli tmexxi lill-klabb, speċjalment wara dak li seħħ ftit tal-ġimgħat ilu minħabba s-Super League Ewropew. Jidher li fil-protesti tal-Ħadd li għadda kien hemm diversi partitarji li spiċċaw ġew fl-idejn mal-pulizija, bil-Pulizija ta’ Manchester tgħid li żewġ uffiċjali weġġgħu waqt il-qadi ta’ dmirijiethom.

Il-Prim Ministru Ingliż kien voċiferu ħafna kontra s-Super League Ewropew, u qal li għalkemm mhuwiex għaqli li l-partitarji aġixxew b’dak il-mod il-Ħadd li għadda, huwa seta’ jifhem il-mottiv wara l-protesti tagħhom. il-Prim Ministru Johnson qal li l-partitarji Ingliżi għamluha ċara biżżejjed li ma jaqblux mas-Super League Ewropew u li dan mhuwiex ser ikun apprezzat fir-Renju Unit.

S’issa l-FA Ingliża għadha ma ħarġet bl-ebda data ġdida meta l-konfront bejn Manchester United u Liverpool jista’ jintlagħab.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA