Futbol lokali
Il-protest ta’ Valletta kontra Sliema W. ser jibda jinstema’ llum waranofsinhar

TVM Sport jinsab infurmat li l-appell li daħħlu Valletta dwar il-logħba kontra Sliema Wanderers ser jibda jinstema’ llum waranofsinhar, għall-ħabta tas-14:00hrs.

Il-protest iddaħħal l-uffiċini tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Futbol nhar it-Tnejn li għadda, b’Valletta jikkontendu li l-plejer ta’ Sliema Wanderers Warsama Hassan suppost kien kwarantina u mhux fil-grawnd. It-tmexxija ta’ Valletta qed tikkontendi li Hassan, li fit-12 ta’ Novembru lagħab logħba sħiħa ma’ Djibouti kontra l-Alġerija, suppost kien għadu kwarantina minħabba li ma kenux għaddew l-14-il ġurnata minn meta rritorna lura mill-Kajr, l-Eġittu.

Il-kowċ Andrea Pisanu utilizza lil Hassan fl-aħħar minuti tal-konfront meta daħal minflok Gabriel Aquilina.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA