Sports Internazzjonali
Il-Qorti tal-Arbitraġġ Sportiv tikkonferma l-erba’ snin sospensjoni t’Alberto Salazar

Il-Qorti tal-Arbitraġġ Sportiv (CAS) ikkonfermat is-sentenza li rċieva l-Amerikan Alberto Salazar, t’erba’ snin sospensjoni wara serje ta’ ksur ta’ regoli kontra d-doping.

Salazar, li għandu 63 sena, kien il-kowċ tal-Brittaniku Mo Farah meta rebaħ diversi midalji waqt l-Olimpjadi. Huwa ġie sospiż mill-Aġenzija Amerikana ta’ Kontra d-Doping fl-2019, talli ‘orkestra u ffaċilita’ d-doping filwaqt li kien kowċ tal-Proġett Nike Oregon. Dan il-proġett kien jirrigwarda atleti elite Amerikani sabiex jieħdu sehem f’kompetizzjonijiet ebsin. Salazar kien jittraffika s-sustanza tat-testosterone lil diversi atleti sabiex itejbu l-wirjiet u l-ħinijiet tagħhom. L-investigazzjoni dwar il-każ tiegħu damet għaddejja 4 snin.

L-istess Salazar ipprova jbagħbas il-proċess ta’ kontroll tad-doping fi ħdan il-Proġett Nike Oregon, ovvjament sabiex l-atleti ma jinqabdux.

Fil-karriera tiegħu Alberto Salazar rebaħ il-Maratona ta’ New York għal tliet snin konsekuttivi bejn l-1980 u l-1982, sakemm imbagħad beda jħarreġ numru t’atleti li wara saru champions Olimpiċi. Fosthom kien hemm Mo Farah li kien taħt it-tmexxija tal-kowċ Salazar meta rebaħ il-5,000 u l-10,000 metru fl-Olimpjadi ta’ Londra 2012 u Rio 2016. Mit-testijiet tad-doping li saru fuq Farah, l-ebda wieħed ma rriżulta fil-pożittiv. Mo Farah ma baqax taħt it-tmexxija ta’ Salazar meta fl-2017 iddeċieda li jirritorna għalkollox fl-Ingilterra.

Il-Qorti tal-Arbitraġġ Sportiv mhux biss ikkonfermat is-sentenza ta’ Salazar, iżda kkonfermat ukoll is-sentenza ta’ Dr Jeffrey Brown.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA