Olimpijadi TOKYO 2020
Il-Villaġġ Olimpiku huwa sikur skont Brian McCloskey, imma diġà bdew ħerġin każijiet ta’ Covid-19

Jiem qabel il-bidu tal-Olimpjadi ta’ Tokjo diġà faqqgħu numru ta’ każijiet fost l-atleti minn madwar id-dinja. Għall-espert tas-saħħa Brian McCloskey, dawn il-każijiet kienu mistennija, imma fil-verità huma inqas minn dak previst mill-organizzaturi.

S’issa diġa’ kien hemm għexieren t’atleti li kellhom jirritornaw lura d-dar mill-ajruport, jew ta’ pajjiżhom inkella ta’ Tokjo. Barra dawn, kien hemm ukoll numru ta’ kowċis u uffiċjali ta’ timijiet li saħansitra kienu diġà qed jirresjedu f’lukanda fil-Ġappun.

McCloskey huwa ċ-chair ta’ bord t’esperti indipendenti li qed jagħtu s-suġġerimenti lill-organizzaturi tal-Olimpjadi ta’ Tokjo dwar miżuri ta’ mitigazzjoni tal-Covid-19. Skont McCloskey, m’hemm l-ebda garanzija li l-atleti ma jlaqqtux il-virus waqt li jkunu Tokjo, imma l-miżuri qegħdin hemm biex inaqqsu r-riskju.

Diversi kritiċi tal-Olimpjadi għadhom qed jisħqu li l-Logħob Olimpiku messu ma jsirx f’nofs pandemija, bl-opinjoni pubblika Ġappuniża tibqa’ ssostni li din l-edizzjoni ser isservi biex il-coronavirus jinxtered b’rata allarmanti fil-Ġappun.

Jidher li anke fil-villaġġ olimpiku diġà feġġew każijiet pożittivi ta’ Covid-19, imma McCloskey qal li l-villaġġ huwa sikur u qed jagħmlu dak kollu possibbli biex l-ebda atleta ma jikkompeti waqt li jkollu l-virus.

 

It-tim nazzjonali Amerikan tal-irġiel tar-Rugby tħarreġ f’Mimasaka, ftit jiem qabel jidħol fl-azzjoni waqt l-Olimpjadi ta’ Tokjo. It-tim Amerikan ser jikkompeti fi Grupp Ċ kontra l-Kenja, l-Irlanda u l-Afrika t’Isfel. Huma jibdew jilagħbu nhar il-Ħadd li ġej, 25 ta’ Lulju. L-Amerikani qed jittamaw li jirbħu l-ewwel midalji f’dan l-isport, għaliex s’issa qatt ma ntrebħu midalji fir-Rugby Sevens, la fil-kategorija tal-irġiel u qas tan-nisa.

It-tim tal-Afrika t’Isfel ser ikunu mingħajr il-kowċ Neil Powell li rriżulta pożittiv għal swab test tal-Covid-19, u ser imexxi lit-tim virtwalment għal din l-edizzjoni.

 

Il-plejer Ċek tal-beach volleyball Ondrej Perusic għandu l-Covid-19. Perusic instab pożittiv waqt test li sarlu fil-Villaġġ Olimpiku f’Tokjo. Jidher li s-Sibt li għadda, wieħed mill-membri tal-istaff tal-kontinġent Ċek irriżulta pożittiv għall-Covid-19 mal-wasla f’Tokjo, b’titjira charter minn Praga.

Ondrej Perusic kien mistenni fl-azzjoni nhar it-Tnejn li ġej, fis-26 ta’ Lulju, biss dan jidher remot ħafna minħabba li l-plejer jinsab kwarantina.

Skont l-aġenzija tal-aħbarijiet Kyodo, jidher li hemm ġinnasta femminili Amerikana li wkoll hija pożittiva għall-coronavirus. Aħbarijiet li ħarġu mill-belt ta’ Inzai fir-reġjun ta’ Chiba qed jgħidu li l-ġinnasta Amerikana għadha żagħżugħa, inqas minn 20 sena, imma ma żvelawx ismijiet.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA