Sports Internazzjonali
Il-WADA taħtar grupp konsultattiv biex tagħmel reviżjoni dwar l-użu tal-kannabis fost l-isportivi

L-Aġenzija Dinjija ta’ Kontra d-Doping (WADA) ħatret grupp konsultattiv sabiex issir reviżjoni dwar il-kannabis u jekk għandiex tibqa’ sustanza pprojbita għall-WADA.

Il-grupp konsultattiv inħatar wara li aktar kmieni din is-sena, l-isprinter Amerikana Sha’Carri Richardson twaqqfet milli tikkompeti fl-Olimpjadi ta’ Tokjo minħabba li nstabet pożittiva għad-doping għax ħadet is-sustanza tal-kannabis waqt li kienet għaddejja minn problemi personali.

Ir-reviżjoni xjentifika ser tibda fl-2022, u għaldaqstant sas-sena d-dieħla l-kannabis ser tibqa’ sustanza pprojbita. Il-WADA kienet imħeġġa tagħmel din ir-reviżjoni wara li l-każ ta’ Richardson ħoloq kommossjoni fid-dinja tal-atletika, għax waħda mill-aqwa atleti ġiet miċħuda milli tipparteċipa fl-Olimpjadi ta’ Tokjo meta użat sustanza għal raġunijiet personali u mhux biex tiggwadanja fir-riżultati sportivi.

Anke l-Aġenzija Amerikana ta’ Kontra d-Doping kienet ħeġġet lill-WADA sabiex tikkunsidra r-reviżjoni.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA