Futbol lokali
Il-Youth FA bi tmexxija ġdida – Norman Darmanin Demajo elett President

Waqt il-laqgħa ġenerali annwali tal-YFA li saret virtwalment nhar il-Ġimgħa 11 ta’ Ġunju, Fr Hilary Tagliaferro kkonferma li din kienet ser tkun l-aħħar laqgħa ġenerali tiegħu għaliex ħass li kien iż-żmien li jċedi postu. Għalkemm dawn l-aħħar żewġ staġuni kienu aktar diffiċli minħabba l-pandemija, Fr Hilary fakkar li l-YFA baqgħet għaddejja u dejjem addattat għaċ-ċirkustanzi bħalma għamlu n-nurseries. Fid-diskors tal-għeluq tiegħu Fr Hilary irringrazzja lil dawk kollha li b’xi mod kienu involuti kemm fit-tmexxija tal-YFA kif ukoll dawk fin-nurseries. Ħeġġeġ sabiex ikomplu jaħdmu b’qalbhom kollha u stedinhom sabiex jikkollaboraw mat-tmexxija l-ġdida tal-YFA. Fr Hilary awgura lil President elett mingħajr kontestazzjoni, Norman Darmanin Demajo, u jinsab kuntent li se jkompli dak li se jħalli warajh. Joe Cassar ġie elett mingħajr kontestazzjoni fil-kariga ta’ Viċi-President. Fr Hilary temm jgħid li l-YFA se żżomm post f’qalbu u se jibqa’ disponibbli għal dak li jkun hemm bżonn.

Id-delegati preżenti ivvutaw ħames rappreżentanti f’isem in-nurseries għal perjodu ta’ żewġ staġuni. Il-membri eletti huma:

· Joe Baldacchino (Żabbar St Patrick)

· Jason Falzon (St Andrews)

· Nathan Mckay (Dingli Swallows)

· Simon Spiteri (Mtarfa)

· Paul Vella (Mġarr)

Il-kumplament tal-Bord il-ġdid tal-YFA jitħabbar fil-ġranet li ġejjin skont kif jitlob l-istatut.

Fid-diskors tal-għeluq tiegħu, il-President il-ġdid Norman Darmanin Demajo filwaqt li jħossu kuntent li ser jimla post Fr Hilary, qal ukoll li jinsab motivat ħafna biex ikompli jsaħħaħ dak li 39 sena ilu beda Fr Hilary. Huwa semma li se jaħdem biex il-YFA tkun aktar aċċessibbli tant li kkonferma li għall-ewwel darba l-YFA ser ikollha impjegat fuq bażi full-time fil-kariga ta’ CEO, Joe Cassar, sabiex il-YFA tissoda l-ħidma tagħha ta’ reachout man-nurseries fost l-oħrajn. Huwa temm jgħid li fil-jiem li ġejjin jitlaqqa’ l-Bord tal-YFA biex ikompli jikkonferma l-kumplament tal-karigi filwaqt li jibda jaħdem fuq il-pjan ta’ ħidma għall-erba’ staġuni li ġejjin.

Miktub minn...
robert busuttil
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-Isport lokali u internazzjonali. JIkkummenta l-logħob tal-Kampjonat Premier. Jippreżenta l-programm 'Wara d-90Minuta' fuq Radju Malta 2'