Futbol lokali
“Ilbieraħ filgħaxija kien lejl ta’ kuraġġ u kunfidenza kbira għall-karriera tiegħi” – Haley Bugeja

Haley Bugeja, il-plejer Maltija ta’ Sassuolo, tinsab fuq fhomm kulħadd hekk kif ilbieraħ filgħaxija, skurjat żewġ gowls fil-partita kontra Napoli, mill-Kampjonat Taljan Serie A tan-nisa biex għenet lit-tim tagħha jirbaħ lill-avversarji bi skor ta’ 3-1.

Ikkuntattjata ftit tal-minuti ilu minn TVMSport, Bugeja wriet sodisfazzjon kbir li bil-wirja li tal-bieraħ irnexxielha tgħin lil sħabha jagħmlu rebħa oħra konvinċenti.

“Ilbieraħ filgħaxija kien lejl ta’ kuraġġ u kunfidenza kbira għall-karriera tiegħi. Kont kunfidenti minn wirja tajba. Ma kontx imbeżża’ iżda kont xi ftit eċċitata. Għandna tim b’saħħtu ħafna u kont ċerta li jekk se jkolli prestazzjoni tajba, sħabi kienu se jgħinuni u jien kont se ngħinhom inġiebu rebħa oħra,” qalet Bugeja.

Haley Bugeja, ex plejer ta’ Mġarr United u plejer tat-tim nazzjonali Malti, tgħid li dawn l-aħħar ġimgħatejn kienu jiem ta’ stennija sakemm fl-aħħar ġranet irċiviet l-aħbar tal-permessi kollha meħtieġa biex tkun tista’ tiddebutta fil-kampjonat Taljan.

“Nirringrazzja lill-kowċ tal-fiduċja li wera fija. Kien bidu tajjeb ħafna għalija. Nispera li nagħti wirjiet bħal dawn ukoll fil-partiti tat-tim nazzjonali Malti,” qalet Bugeja.

Din kienet partita mit-tielet ġurnata tal-kampjonat, b’Sassuolo li b’żewġ rebħiet u draw jinsabu fit-tieni post tal-klassifika wara Milan, fil-kampjonat Taljan Serie A tan-nisa.

Fl-ewwel żewġ partiti, Sassuolo ġew draw kontra Roma bi skor ta’ 1-1 u għelbu lil Inter bi skor ta’ 4-1.

Fil-partita tal-bieraħ, Haley Bugeja skurjat iż-żewġ gowls tagħha fil-41 u l-64 minuta.

Miktub minn...
TVM Sport