Futbol internazzjonali
Illejla, Manchester United – Atalanta fid-21:00 fuq TVM News+

Illejla jintlagħbu l-kumplament tal-logħob tat-tielet ġurnata tal-UEFA Champions League.

Il-manager ta’ Manchester United Ole Gunnar Solskjaer qal li mhux jinkwieta fuq postu mal-klabb wara numru ta’ riżultati negattivi. Ir-Red Devils waqqgħu l-punti fl-aħħar tliet ħarġiet tagħhom fil-Premier League Ingliż, u fiċ-Champions League ma jistgħux jagħmlu l-istess jekk iridu jżommu t-tama li jgħaddu għar-rawnd li jmiss. Fil-preżent Manchester UTD jinsabu t-tielet fi Grupp F, bi tliet punti minn żewġ logħbiet. Illejla f’Old Trafford, Manchester United jaffaċċjaw lil Atalanta li għandhom 4 punti mill-ewwel żewġ logħbiet. Il-konfront jintwera dirett fuq TVM News+ fid-21:00.

Bayern Munich ser ikunu mingħajr id-difensur Alphonso Davies u l-plejer ta’ nofs il-grawnd Leon Goretzka għal-logħba kontra Benfica f’Liżbona. Min-naħa l-oħra, Lucas Hernandez, li fi ftit jiem oħra jrid jidħol il-ħabs fi Spanja, mistenni li jkun involut f’din il-logħba. Il-Bavarjani jinsabu fil-quċċata ta’ Grupp E bil-massimu tal-punti. Benfica jinsabu fit-tieni post b’4 punti filwaqt li Dynamo Kyiv għandhom punt u Barcelona għadhom ma ġabru xejn.

Fil-fatt, il-kowċ tat-tim Katalan Ronald Koeman qal li l-futur tal-klabb fiċ-Champions League jiddependi mil-logħba tal-lejla. Jekk kemm-il darba Barcelona ma jiħdux it-tliet punti kontra Dynamo Kyiv, allura tkun prattikament impossibbli li jagħmluha għar-Round tas-16. Fl-ewwel żewġ logħbiet Barcelona tilfu kontra Bayern Munich u Benfica 0-3 f’kull konfront.

Tim ieħor fl-azzjoni fil-programm tal-lejla huwa Chelsea. Skont il-manager Thomas Tuchel, il-plejers qed iħossu l-effett ta’ ħafna logħob u huwa għalhekk li l-wirjiet tat-tim naqsu xi ftit mil-livell. Chelsea jilagħbu kontra Malmo, u jittamaw li jirkupraw mit-telfa ta’ 0-1 kontra Juventus fit-tieni ġurnata tal-gruppi. Iċ-champions renjanti jinsabu fit-tieni post ta’ Grupp H bi 3 punti, wara Juventus li għandhom punti massimi.

F’logħbiet oħra:

Salzburg – Wolfsburg
Lille – Sevilla
Young Boys – Villarreal
Zenit – Juventus

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA