Futbol internazzjonali
Illejla tibda t-tielet ġurnata tal-UEFA Champions League

Illejla tirritorna l-aqwa kompetizzjoni Ewropea tal-futbol, il-UEFA Champions League.

Ilbieraħ filgħaxija Liverpool komplew bit-taħriġ tagħhom għall-konfront tal-lejla minn Grupp B kontra Atlético Madrid. L-aħħar darba li t-tnejn li huma ltaqgħu flimkien kien fir-Round tas-16 fl-istaġun li għadda, bil-Madrileni joħorġu rebbieħa home u away kontra r-Reds. Bħalissa Liverpool jinsabu fl-ewwel post tal-grupp, b’6 punti minn żewġ logħbiet, filwaqt li Atlético għandhom 4 punti.

Mill-istess grupp illejla Porto jilagħbu kontra Milan.

Il-kowċ ta’ Real Madrid Carlo Ancelotti ħeġġeġ lill-plejers tiegħu sabiex itejbu l-wirja tagħhom kontra Shakhtar Donetsk, imma saħaq li dan mhuwiex l-aktar konfront importanti tal-istaġun. Los Blancos tilfu t-tieni logħba tal-grupp b’sorpriża kontra Sheriff Tiraspol u s’issa għandhom 3 punti li ħadu fl-ewwel rebħa. Sheriff Tiraspol jinsabu l-ewwel b’punti massimi.

Fil-konfront l-ieħor Inter ser jaffaċċjaw lil Sheriff u jridu joqgħodu attenti li l-avversarji ma jkomplux jissorprendu. It-tim mill-Moldova jista’ jagħmilha għall-fażi li jmiss jekk f’San Siro jieħu t-tliet punti, xi ħaġa li l-kowċ Interist Inzaghi qas biss irid jaħseb dwarha. Inter għandhom punt biss mill-ewwel żewġ logħbiet u allura bilfors għandhom bżonn rebħa fil-logħba tal-lejla jekk iridu jżommu t-tamiet qawwija li jgħaddu mill-grupp.

F’logħbiet oħra:

Club Brugge – Manchester City
PSG – RB Leipzig
Besiktas – Sporting
Ajax – Borussia Dortmund

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA