Futbol internazzjonali
Illejla tintlagħab il-finali tat-Tazza tar-Re għal dan l-istaġun

Finali – Tazza tar-Re
Athletic Bilbao – Barcelona

Fid-21:30 tal-lejla, fi Spanja tintlagħab il-finali tat-Tazza tar-Re bejn Athletic Bilbao u Barcelona.

F’kummenti li ta qabel il-konfront, il-kowċ tat-tim Katalan Ronald Koeman qal li mhuwiex inkwetat dwar il-futur tiegħu, anzi, din il-finali tagħti ċans lit-tim tiegħu jirbaħ tazza wara li issa ilhom sentejn mingħajr ma jirbħu unur.

Wara li fl-istaġun li għadda Barcelona ma rebħu xejn, f’dan l-istaġun diġà sfaw eliminati miċ-Champions League, wara li tilfu kontra Paris Saint-Germain fir-Round tas-16. Barra minn hekk, wara t-telfa tas-Sibt li għadda fl-El Clasico kontra Real Madrid, huma niżlu fit-tielet post ta’ La Liga, għalkemm għadhom biċ-ċans li jirbħu l-kampjonat. Skont rapporti li qed jidhru fil-midja Spanjola, jekk kemm-il darba Barcelona jispiċċaw bla ebda unur f’dan l-istaġun, allura l-President il-ġdid Joan Laporta jibda jfittex kowċ ġdid għall-istaġun li ġej.

Ronald Koeman ser ikollu għad-diżpożizzjoni tiegħu lid-difensur Gerard Pique li qiegħed jirritorna minn injury, imma Philippe Coutinho u Ansu Fati għadhom barra.

Għal Athletic Bilbao din ser tkun it-tieni finali tat-Tazza tar-Re infila, wara li ħmistax ilu tilfu kontra Real Sociedad. Il-finali tal-istaġun li għadda kienet ġiet posposta minħabba l-pandemija, u ntlagħbet ħmistax ilu, b’Athletic jisfaw megħluba. Imma skont il-kowċ Marcelino Garcia, issa l-plejers jafu xi żbalji wettqu, u allura jinsabu lesti għat-test kontra Barcelona. Il-captain t’Athletic Iker Munian tħarreġ mal-kumplament tal-plejers matul il-ġurnata tal-Ġimgħa, avolja għandu xi uġigħ f’irkopptu. Athletic Bilbao ilhom ma jirbħu t-Tazza tar-Re sa mill-1984, nuqqas ta’ 37 sena, finali li wkoll kienet kontra Barcelona fil-Cartuja Stadium ta’ Sivilja.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA