Futbol internazzjonali
Illejla tintlagħab is-Super Cup fil-Puskas Arena ta’ Budapest

L-epidemoloġista Andras Csilek qal li l-UEFA u l-Ungerija ser jagħmlu żball kbir li llejla ser iħallu l-partitarji jidħlu fil-Puskas Arena f’Budapest sabiex isegwu l-finali tas-Super Cup bejn Bayern Munich u Sevilla. Csilek qal li l-UEFA qiegħda tieħu riskju bla bżonn li llejla ser iddaħħal 20,000 spettatur sabiex isegwu l-finali bejn iċ-champions Ewropej Bayern Munich u Sevilla li rebħu l-Europa League fl-istaġun li għadda.

Il-Puskas Arena tlestiet ftit tax-xhur ilu wara insistenza tal-Prim Ministru Viktor Orban, u fil-finali tal-lejla ser jiddaħħlu terz ta’ kemm jiflaħ l-istadium kollu. Skont l-ammionistrazzjoni tal-grawnd u l-UEFA, ittieħdu l-prekawzjonijiet kollha neċessarji u l-partitarji taż-żewġ timijiet li ser jiddaħħlu fl-istadium ser ikunu sikuri.

Andras Csilek qiegħed jibża’ li din il-logħba jkollha l-istess effett kif kellhom il-logħob fl-Italja fil-bidu tal-pandemija. Bħalissa l-Ewropa qed taffaċċja t-tieni mewġa tal-pandemija tal-Covid-19 u fl-Ungerija qiegħed ikun hemm mas-600 każ ġdid ta’ coronavirus kuljum. Skont Csilek dan kollu qiegħed isir għall-flus, u waħħal fil-Gvern li akkost ta’ kollox irid jibqa’ għaddej, anke jekk jesperimenta bin-nies.

Matul il-ġurnata tal-Erbgħa saru l-konferenzi tal-aħbarijiet miż-żewġ kowċis li llejla t-timijiet tagħhom ser jaffrontaw lil xulxin fil-finali tas-Super Cup. Skont il-kowċ ta’ Bayern Munich Hansi Flick, wirja ta’ 99% ma tkunx biżżejjed kontra l-Ispanjoli u l-plejers tiegħu jridu jagħtu l-massimu sabiex finalment joħorġu rebbieħa. Matul il-konferenza li saret b’mod virtwali, Flick kien mistoqsi dwar il-fatt li ħa lit-tim tiegħu f’pajjiż fejn il-każijiet ta’ coronavirus qegħdin ifaqqsu bil-mijiet kuljum, imma l-kowċ tat-tim Bavarjan żelaq milli jwieġeb definittvament għaliex qal li ma tantx inbidlu l-affarijiet għaliex fi Munich ukoll ifaqqsu mijiet ta’ każi kuljum.

Min-naħa l-oħra, il-kowċ ta’ Sevilla Julien Lopetegui jinsab ħerqan sabiex it-tim tiegħu jaffaċċja liċ-champions Ġermaniżi u Ewropej. F’konferenza tal-aħbarijiet virtwali Lopetegui qal li ser jaffrontaw tim b’saħħtu u li fl-aħħar snin urew dominanza fil-futbol Ewropew.

Għal-logħba tal-lejla ż-żewġ timijiet ingħataw 1,500 biljett kull wieħed, imma dawn ma rnexxilhomx ibiegħuhom kollha u allura l-maġġoranza tal-partitarji ser ikunu Unġeriżi.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA