Olimpijadi TOKYO 2020
Illum issir iċ-ċerimonja tal-ftuħ tal-Paraolimpjadi ta’ Tokjo

Illum jingħata bidu għall-Paraolimpjadi ta’ Tokjo biċ-ċerimonja tal-ftuħ tibda fis-13:00 (ħin ta’ Malta).

Il-President tal-Kumitat Paralimpiku Internazzjonali Andrew Parsons qal li fiċ-ċerimonja tal-ftuħ ser ikun hemm ukoll il-bandiera Afgana, anke jekk iż-żewġ atleti Afgani li kellhom jieħdu sehem ma rnexxilhomx jagħmlu l-vjaġġ għall-Ġappun minħabba l-instabbilità politika li hemm fil-pajjiż bħalissa. Ser ikun rappreżentant tal-Kummissarju Għoli tar-Refuġjati għan-Nazzjonijiet Magħquda (UNHCR) li ser iġorr il-bandiera tal-Afganistan.

Parsons qal li jinsab kunfidenti li l-Paraolimpjadi ser isiru mingħajr wisq problemi, anke jekk il-Ġappun għaddej mill-ħames mewġa ta’ każijiet ta’ Covid-19.

Il-Paraolimpjadi ser jibqgħu għaddejjin sal-5 ta’ Settembru li ġej, bil-maġġoranza tal-kompetizzjonijiet ser ikunu fl-għawm u fl-atletika. Fil-fatt, għaxart ijiem mit-tnax-il ġurnata tal-Paraolimpjadi ser jinkludu jew l-għawm jew l-atletika.

B’kollox ser isiru 539 kompetizzjoni fi 22 dixxiplina differenti.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA