Futbol internazzjonali
Imut is-97 vittma tat-traġedja ta’ Hillsborough fl-1989

Nhar it-Tlieta li għadda tħabbret il-mewt ta’ Andrew Devine fl-età ta’ 55 sena. Rapporti fil-midja Ingliża qed jgħidu li Devine jista’ jitqies bħala s-97 vittma ta’ Hillsborough.

Il-familja ta’ Devine qalet li tħossha imbierka li Andrew baqa’ ħaj għal 32 sena wara dak li seħħ fis-semifinali tal-FA Cup f’Hillsborough fil-15 t’April 1989. Dakinhar, Andrew spiċċa fir-rassa, b’sidru mgħaffeġ, tant li moħħu spiċċa bla ossiġnu. Għalkemm baqa’ ħaj, huwa spiċċa f’siġġu ta’ roti u ma tkellimx aktar.

Ftit sigħat wara mewtu, Coroner Andre Rebello ddikjara li Andrew kien maqtul involontarjament, u għalhekk qiegħed jitqies bħala s-97 fatalità ta’ Hillsborough.

Jidher li wara t-traġedja ta’ Hillsborough, Andrew Devine xorta waħda baqa’ jattendi l-logħob f’Anfield, assistit mill-familjari. Il-kuraġġ li wera Devine wara t-traġedja kien tant b’saħħtu li rnexxielu jżomm 32 sena ħaj, wara li t-tobba kienu qalu li ma kellux aktar minn sitt xhur ħajja.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA