Futbol lokali
Imut Victor Zammit, ‘in-Nojsu’, Membru Onorarju u 20 sena fil-Kumitat ta’ Hamrun Spartans

Tħabbret il-mewt ta’ Victor Zammit, membru fil-Kumitat ta’ Hamrun Spartans għal dawn l-aħħar 20 sena. Hu serva anki għal xi snin fil-kariga ta’ Viċi President.

‘In-Nojsu’, hekk kif kien magħruf, kien personaġġ popolari ħafna fil-lokalità tal-Ħamrun, l-aktar fil-klabb tal-futbol.

F’kitba fuq il-paġna uffiċjali ta’ facebook, Hamrun Spartans sellmu l-memorja ta’ Zammit u ddeskrivewh bħala persuna li ħadem ħafna għall-klabb.

Gejtu Debattista, Viċi President ta’ Hamrun Spartans, f’kumment lil TVMSport qal:

“Victor kien viċin il-klabb tagħna sa mis-Snin ’80. Laħaq il-klabb fl-aqwa tiegħu u fl-agħar tiegħu u dejjem kien hemm biex jgħin. Kien spalla kbira għall-klabb tant li kien nħatar ukoll Membru Onorarju. Baqa’ viċin il-klabb sal-aħħar ta’ ħajtu u ħaqqu kull tifħir,” qalilna Debattista.

Joanne Debattista, Membru fil-Kumitat ta’ Hamrun Spartans, f’kitba oħra fuq facebook sellmet il-memorja ta’ Zammit u avżat lill-Ħamruniżi biex għada wara nofsinhar jagħtuh tislima xierqa fi Triq il-Kbira, fil-Hamrun.

Il-funeral ta’ Victor Zammit se jsir għada l-Ħamis fil-Knisja ta’ San Gejtanu fil-Ħamrun fis-2.30pm.

TVMSport jibgħat il-kondoljanzi lill-familja Zammit.

Miktub minn...
TVM Sport