Motorsport
Inawgurat iċ-ċentru l-ġdid tal-World Pro Racing f’Ħal Farruġ

It-Tlieta filgħodu kien inawgurat ċentru state-of-the-art mill-World Pro Racing. Dan iċ-ċentru, li jinsab f’Montekristo Estate, ġie jiswa €300,000 u qiegħed jintuża’ għall-iżvilupp, taħriġ u divertiment ta’ Sim Racing. Dan iċ-ċentru ġdid għandu l-għan li jipprovdi opportunitajiet lil żgħażagħ u studenti li qed isegwu korsijiet fl-istudji tal-midja, u jgħinhom jibnu l-ħiliet diġitali tagħhom f’ambjent virtwali li eventwalment iwassal għall-possibbilità ta’ karriera fl-esports.

L-inawgurazzjoni taċ-ċentru saret fil-preżenza tal-Ministru għall-Ekonomija u l-Industrija Silvio Schembri, u ċ-Chief Operating Officer ta’ Gaming Malta, Ivan Filletti.

Il-faċilità hija magħmula minn 17-il simulatur flimkien mal-faċilitajiet kollha meħtieġa għall-aġġudikazzjoni u d-direzzjoni tat-tiġrijiet kemm online u offlajn, kamra tat-telemetrija, il-faċilitajiet kollha meħtieġa għax-xandir, li jinkludi wkoll studio multi-użu, li jakkomoda fosthom kummentaturi tat-tiġrijiet kif ukoll jospita l-preżentazzjoni ta’ programmi informattivi u edukattivi.

Il-Ministru Schembri qal li dan iċ-ċentru se jkompli jkabbar l-opportunitajiet ta’ karriera għaż-żgħażagħ Maltin fl-esports filwaqt li jipprovdi viżibilità siewja għall-esports f’Malta fuq livell internazzjonali. Barra minn hekk, l-esports huwa niċċa ekonomika ġdida li qed tfittex talent u passjoni, anke fi tfal minn età żgħira. Din il-faċilità ser tħaffef l-isforzi tal-Gvern biex jattira partijiet internazzjonali interessati fl-esports lejn Malta.

Il-Fundatur u l-Kap Eżekuttiv ta’ World Pro Racing, Justin Mifsud qal li dan il-proġett kien possibbli permezz tal-appoġġ ta’ Gaming Malta u l-viżjoni u l-istrateġija ħolistika li l-Gvern ħoloq fir-rigward tal-esports. Din il-ħolma li issa saret realtà tista’ twassal liż-żgħażagħ Maltin sabiex jirnexxu f’livell internazzjonali.

Il-kumpanija World Pro Racing għamlet kisbiet kbar matul l-aħħar sentejn fuq livell internazzjonali, sal-punt li fuq livell globali ntlaħqu aktar minn 500,000 unique views fix-xahar. World Pro Racing taħdem m’ESTV, Motorsport.tv flimkien ma’ ES1 u TVM Sport. Dan għen lil World Pro Racing tingħaqad m’imsieħba internazzjonali bħal AMD, HyperX, Thrustmaster, GT Omega Racing, Panasonic, Datavideo, Medialooks u Esports Insider bħala s-sieħeb uffiċjali tagħha għax-xandir tal-aħbarijiet.

Il-faċilità f’Montekristo Estate, Ħal Farruġ, hija miftuħa għal dawk kollha li jixtiequ jippruvaw dan l-esport, filwaqt li numru ta’ żgħażagħ diġà qed jikkompetu internazzjonalment.

Ivan Filletti, minn Gaming Malta qal li dan it-tkabbir tal-ekosistema tal-esports huwa parti mill-kredenzjali bħala Home of Gaming Excellence. Qal li l-membri ta’ din il-kumpanija investew ħajjithom sabiex jaslu s’hawn.

Wieħed mill-iżgħar sewwieqa fl-esports huwa Morgan Zammit li għad għandu 7 snin. Huwa qal li x-xewqa tiegħu hija li jibqa’ jsuq f’dan it-tip ta’ sport, anke jekk għalissa għadu ma jafx isuq il-Go Karts il-kbar.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA